L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Żewġt iqlub li jfittxu lil xulxin. Nistgħu ninterpretaw din il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Żakkew b’dan il-mod u b’din l-espressjoni. Ġesù stess jagħtina, biex ngħidu hekk, dan il-muftieħ biex nifhmu x’qiegħed jiġri. “Bin il-Bniedem ġie jfittex u jsalva lill-mitluf” (Lq 19:10).

Imma hemm xi ħadd ukoll, hemm qalb oħra, li jixtieq jiltaqa’ ma’ Ġesù, għandha għatx biex tiltaqa’ miegħu. Huwa dan ir-raġel qsajjar li minħabba l-folla ma jistax jarah lil Ġesù u għalkemm kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, kellu l-prestiġju tiegħu, nistgħu ngħidu l-pride tiegħu, jitla’ fuq siġra tat-tin selvaġġ.

Ġesù jieqaf taħt dik is-siġra jħares ’il fuq u jgħidlu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (Lq 19:5). Żakkew xtaq ħafna jarah lil Ġesù imma Ġesù kien qiegħed ifittxu. Ejjew nimmaġinaw dawk iż-żewġ par għajnejn li jiltaqgħu: l-għajnejn ta’ Ġesù li huma għajnejn ta’ mħabba u ħniena u l-għajnejn mistħija, għalkemm kien għani, ta’ dan il-pubblikan Żakkew.

Żakkew kien għadda mill-esperjenza li jsemmilna l-anġlu fis-silta li qrajna llum mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, meta jkellem l-anġlu ta’ Laodikija, lill-mexxej, lill-Isqof ta’ Laodikija. L-anġlu tal-Mulej jilmenta li Laodikija, li kienet belt sinjura ħafna u famuża għall-ingwent u għad-drapp sabiħ li kienet tagħmel. Laodikija kienet belt prosperuża ħafna, kien hemm ħafna ġid imma kien ġid li ma jimliex il-qalb. “Bla ma taf l-imsejken huwa int, ta’ min jitħassrek fqir, għama u għeri” (Apok 3:17).

U għalkemm kien sinjur ħafna, Żakkew għamel din l-esperjenza li l-għana ta’ din id-dinja, forsi l-prestiġju soċjali, ma kienx jimlilu qalbu. Il-Mulej, meta jisma’ lil Żakkew u l-konverżjoni tiegħu, juża din l-espressjoni sabiħa: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni” (Lq 19:9).Meta Ġesù jidħol fid-dar ta’ Żakkew, f’dik id-dar imbierka litteralment tidħol is-salvazzjoni ta’ Alla. Imma Ġesù qed jgħid ukoll li dan ir-raġel għamel żewġ affarijiet li huma mħabba u ġustizzja, anzi ġustizzja li tmur lil hinn minn dak biss li għandu bżonn jagħmel.

L-ewwel nett nofs ġidu Żakkew jgħid li se jagħtih lill-foqra (Lq 19:8). Ifakkarna wkoll f’dak li għamlet Eliżabetta tal-Ungerija meta sefgħet armla, reġgħu tawha d-dota tagħha u setgħet tagħmel hi b’ġidha dak li xtaqet u tat ġidha biex tibni sptar għall-foqra.

Imma Żakkew jagħmel xi ħaġa oħra. “Jekk jien qarraqt b’xi ħadd ieħor, irroddlu għal erba’ darbiet iżjed” (Lq 19:8). Din turina li s-salvazzjoni, speċjalment fejn jidħol is-serq u l-korruzzjoni, tfisser li aħna rridu npattu tas-serq li nkunu għamilna. Mhux biżżejjed titlob maħfra lil Mulej imma trid trodd dak li tkun ħadt b’mod inġust jew b’mod illegali. Fil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, Żakkew jmur lil hemm mill-esiġenzi tal-ġustizzja għaliex jgħid: “Jekk qarraqt b’xi ħadd inroddlu għal erba’ darbiet iżjed”. Il-ġustizzja titlob li trodd dak li ħadt. Żakkew imur lil hinn. Allura anke waqt li qed jirrispetta l-esiġenzi tal-ġustizzja, jekk inti sraqt jew kont korrott, trid tpatti mhux biss billi titlob skuża, imma terġa’ trodd dak li ħadt u li ma kienx tiegħek. Żakkew imur lil hemm minnha din il-ħaġa. Kemm għandna x’nitgħallmu minn Żakkew. Mhux qed ngħid li aħna l-qosra rridu noqgħodu nitilgħu fuq is-siġar, imma hemm xi ħaġa iżjed importanti: li nirrealizzaw li l-ġid, li anke li l-Mulej iberikna bih, huwa responsabbiltà bħalma ħasset u għexet Eliżabetta tal-Ungerija. Ħasset li l-ġid li kellha u l-għana li kellha bħala l-mara ta’ dan il-Landgravju – qisu Konti – ta’ Turinġja fil-Ġermanja tal-lum, kien responsabbiltà biex bih jgħinu lil min kellu bżonn.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 3, 1-6.14-22
Salm: 14 (15), 2-3ab.3ċd-4ab.5
Evanġelju: Lq 19, 1-10