-
-
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 2 ta’ Jannar 2019Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u anki s-Sena t-tajba!
Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq il-“Missierna”, imdawlin mill-misteru tal-Milied li għadna kemm iċċelebrajna m’ilux.
Il-Vanġelu ta’ Mattew iqiegħed it-test tal-“Missierna” f’punt strateġiku, fiċ-ċentru tad-Diskors tal-Muntanja (ara 6:9-13). Ħa nosservaw ix-xena: Ġesù jitla’ fuq l-għolja ħdejn l-għadira, u joqgħod bilqiegħda; madwaru għandu ċ-ċirku tad-dixxipli l-iżjed qrib tiegħu, u mbagħad folla kbira ta’ wċuħ anonimi. Din hi l-ġemgħa eteroġenja li ssir l-ewwel nies li tilqa’ l-għotja tal-“Missierna”.
Il-kollokazzjoni, kif għidna, hi sinifikattiva ħafna; għax f’dan it-tagħlim twil, li nsibuh taħt l-isem ta’ “Diskors tal-Muntanja” (ara Mt 4:1-7,27), Ġesù jiġbor l-aspetti fundamentali tal-messaġġ tiegħu. Id-daħla hi bħal ark imżejjen għall-festa: il-Beatitudnijiet. Ġesù jinkuruna bil-ferħ serje ta’ kategoriji ta’ persuni li fi żmienu – imma anki fi żmienna! – ma tantx kienu jagħtuhom importanza. Henjin il-foqra, is-safja f’qalbhom, dawk li jħennu, il-persuni umli… Din hi r-rivoluzzjoni tal-Vanġelu. Fejn hemm il-Vanġelu, hemm rivoluzzjoni. Il-Vanġelu ma jħalliniex kwieti, imma jimbuttana: hu rivoluzzjonarju. Il-persuni kollha li kapaċi jħobbu, l-operaturi tal-paċi li sa dak iż-żmien kienu spiċċaw fit-truf tal-istorja, huma fil-fatt il-bennejja tas-Saltna ta’ Alla. Qisu Ġesù ried jgħid: ejjew intom li f’qalbkom qed iġġorru l-misteru ta’ Alla li wera li jista’ kollox fl-imħabba u fil-maħfra!
Minn dan il-bieb tad-dħul, li jaqleb rashom ’l isfel il-valuri tal-istorja, joħroġ l-element ġdid tal-Vanġelu. Il-Liġi m’għandhiex tinqered imma għandha bżonn ta’ interpretazzjoni ġdida, li treġġagħha lura għas-sens oriġinali tagħha. Jekk persuna hi qalbha tajba, lesta li tħobb, allura hi tifhem li kull kelma ta’ Alla għandha titlaħħam bil-konsegwenzi kollha tagħha. L-imħabba m’għandhiex konfini: tista’ tħobb lil martek jew lil żewġek, lill-ħabib jew ħabiba, u saħansitra lill-għadu tiegħek b’perspettiva għalkollox ġdida. Jgħidilna Ġesù: “Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-Smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex” (Mt 5:44-45).
Dan hu s-sigriet il-kbir li hemm fil-bażi tad-Diskors kollu tal-Muntanja: kunu wlied Missierkom li hu fis-Smewwiet. Dawn il-kapitli tal-Vanġelu ta’ Mattew minn barra jidhru diskors morali, jidhru jevokaw etika hekk esiġenti li donnha tidher diffiċli tipprattikaha, imma minflok niskopru li huma qabelxejn diskors teoloġiku. In-Nisrani mhux xi wieħed li jħabrek biex ikun aħjar mill-oħrajn: jaf li hu midneb bħal kulħadd. In-Nisrani sempliċiment huwa dak il-bniedem li jieqaf quddiem is-Siġra ġdida tal-għollieq jaqbad bla ma jinħaraq, quddiem ir-rivelazzjoni ta’ Alla li ma jġorrx l-enigma ta’ isem li ma jistax jitlissen, imma li jitlob lil uliedu jsejħulu bl-isem ta’ “Missier”, iħalluh iġeddidhom bil-qawwa tiegħu u jirrifletti raġġ tat-tjieba tiegħu fuq din id-dinja hekk għatxana għat-tajjeb, tant imxennqa għal aħbarijiet tajba.
Hekk Ġesù jintroduċi t-tagħlim tat-talba tal-“Missierna”. Dan jagħmlu billi jżomm bogħod minn żewġ gruppi ta’ żmienu. Qabelxejn minn dawk ta’ wiċċ b’ieħor: “Tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies” (Mt 6:5). Hemm min kapaċi jinseġ talbiet atei, mingħajr Alla, u dan jagħmlu biex jammirawh in-nies. U kemm drabi naraw l-iskandlu ta’ dawk il-persuni li jmorru l-knisja u jibqgħu hemm il-ġurnata kollha jew imorru ta’ kuljum u mbagħad jgħixu fil-mibegħda tal-oħrajn jew ipaċpċu ħażin fuq l-oħrajn. Dan skandlu! Aħjar ma tmur xejn il-knisja: għix hekk, qisek kont ateu. Imma jekk ħa tmur il-knisja, għix ta’ iben, ta’ ħu u oħt, u agħti xhieda vera, mhux xhieda bil-kontra. Għax it-talb Nisrani m’għandu l-ebda xhud kredibbli ieħor ħlief il-kuxjenza tagħna nfusna, fejn qed jintiseġ b’mod intens djalogu kontinwu mal-Missier: “Int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi” (Mt 6:6).
Imbagħad Ġesù jżomm bogħod ukoll mit-talba tal-pagani: “Toqogħdux tlabalbu […]; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu” (Mt 6:7). Hawn forsi Ġesù qed jalludi għal dik il-“captatio benevolentiæ” li kienet il-premessa meħtieġa għal tant talbiet qodma. Tiġina f’moħħna dik ix-xena tal-Muntanja tal-Karmelu, meta l-Profeta Elija sfida lis-saċerdoti ta’ Bagħal. Huma għajtu, żifnu, talbu ħafna ħwejjeġ biex l-alla tagħhom jismagħhom. Imma Elija baqa’ sieket, u l-Mulej wera ruħu lil Elija. Il-pagani jaħsbu li aktar jgħidu, jitkellmu, ipaċpċu, ireddnu, ikunu jitolbu. U anki jien jiġuni f’moħħi ħafna Nsara li jemmnu illi titlob ifisser – skużawni – “titkellem ma’ Alla bħal pappagall”. Le! Trid titlob mill-qalb tiegħek, minn ġewwa fik. Imma int, jgħid Ġesù, meta titlob, dur lejn Alla bħal iben lejn missieru, hu li jaf dan x’għandu bżonn qabel ma jitolbhulu (ara Mt 6:8). Tista’ tkun talba anki fis-skiet, il-“Missierna”: fl-aħħar mill-aħħar biżżejjed noqogħdu taħt il-ħarsa ta’ Alla, niftakru fi mħabbtu ta’ Missier, u dan ikun biżżejjed biex jismagħna.
Kemm hu sabiħ naħsbu li Alla tagħna m’għandux bżonn ta’ sagrifiċċji biex nirbħu l-favur tiegħu! M’għandu bżonn ta’ xejn, Alla tagħna: fit-talb jitlob biss li aħna nżommu miftuħ kanal ta’ komunikazzjoni miegħu biex niskopru dejjem iżjed li aħna wlied l-aktar maħbuba tiegħu. U hu jħobbna wisq.
Sors: Laikos.org