L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tfixklu minħabba fih”. Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew. In-nies tal-pajjiż ta’ Ġesù, meta semgħuh jgħallem fis-sinagogi, baqgħu mistagħġba, u “tfixklu minħabba fih”.

Għalfejn tfixklu dawn in-nies meta semgħu lil Ġesù? Tfixklu għax semgħuh jgħid il-ħmerijiet? Jew għax semgħuh jgħid kliem li jinsulta jew kliem mhux f’postu? Tfixklu għax semgħuh jgħid kliem li jurta jew jipprova jimpressjona? Le, ma kienx għal dan, mhux għalhekk tfixklu dawn in-nies. Tfixklu għax huma kellhom idea ta’ Ġesù, ta’ minn fejn kien ġej u safejn jista’ jasal: Ġesù bin mastrudaxxa, ommu Marija, qrabatu nies ordinarji. Għalhekk f’moħħhom kellhom idea ta’ safejn jista’ jasal Ġesù, u meta semgħuh jitkellem, ma setgħux jgħaqqdu flimkien dak li qed jisimgħu ma’ dak li kellhom f’moħħhom. Ġesù ma setax jiffittja fl-idea li kellhom f’moħħhom tiegħu. Għalhekk tfixklu. Proprjament, kieku kellna ngħidu eżatt, tfixklu minħabba fihom infushom iktar milli minħabba fih.

Hawn nifhmu x’jiġifieri preġudizzju – jiġifieri ġudizzju minn qabel. Dawn in-nies, qabel ma semgħu lil Ġesù, u ltaqgħu miegħu u fehmuh sewwa, kellhom diġà idea tiegħu: Ġesù hu dan, sa hawn jasal. Meta bdew jisimgħuh jgħid kliem ta’ għerf u jistagħġbu bih, allura qalu: hemm xi ħaġa li mhix f’postha. U x’għamlu? Flok huma stess qalu “hemm bżonn nibdlu l-idea tagħna”, irrifjutaw lilu.

Il-Kelma ta’ Alla turina kif noqogħdu attenti u ma nagħmlux bħalma għamlu n-nies ta’ pajjiż Ġesù. L-ewwel nett, ma’ Alla: li mhux ikollna idea tiegħu, u nistinaw rasna, u ma nkunux lesti li nħallu l-kelma tiegħu tibdilna, tidħol f’qalbna, u ġġeddidna. Imbagħad ukoll magħna nfusna

Fil-fatt tolqtok fl-Evanġelju kif Ġesù kien rifjutat minnhom. Ma setax jagħmel il-mirakli hemm “minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom”. U nnutaw ftit: min bata minħabba dan il-preġudizzju? Min bata? In-nies batew. Għax Ġesù hemmhekk ma setax jagħmel il-ġid, il-mirakli, kellu jmur post ieħor; u n-nies ta’ hemm, minħabba li kellhom din l-idea tiegħu u l-preġudizzju fuqu, huma batew.

Dan hu messaġġ importanti għalina. Il-Kelma ta’ Alla turina kif għandna noqogħdu attenti li ma nagħmlux bħalma għamlu n-nies ta’ pajjiż Ġesù. L-ewwel nett, ma’ Alla: li aħna mhux ikollna xi idea tiegħu, u nistinaw rasna, u ma nkunux lesti li nħallu l-kelma tiegħu tibdilna, tidħol f’qalbna, u ġġeddidna. Imbagħad ukoll magħna nfusna: li ma nirraġunawx, kif kultant tisma’ min jirraġuna, “jien hekk magħmul” – magħmul niżbel, magħmul nitkellem ħażin. Qisni għandi dil-forma u ma nistax noħroġ minnha. Dak ikun żball ukoll. Għax inkunu kuntenti li nibqgħu magħluqin bejn l-erba’ ħitan tagħna nfusna. Imbagħad ukoll mal-oħrajn. Kultant aħna lill-oħrajn nagħtuhom tikketta. U jekk ma jaqblux ma’ dik it-tikketta, xorta jibqgħu biha għax tajnihielhom aħna jew tawhielhom in-nies. Minħabba f’hekk ma nkunux nistgħu napprezzaw lill-oħrajn, u nħalluhom ukoll jiżviluppaw it-talenti tagħhom u l-potenzjalitajiet li għandhom, li Alla jrid li jiżviluppaw.

Għalhekk ejjew nitolbu lill-Mulej, l-ewwel nett biex niftħu qalbna tassew għalih, għall-kelma tiegħu, u jġeddidna, ma jħalliniex ningħalqu ġo fosdqa u nkunu kuntenti hemm; imbagħad ukoll li aħna, meta nħarsu lejn l-oħrajn, napprezzaw kull persuna xbieha ta’ Alla, nifirħu meta naraw lill-bniedem jiżviluppa l-potenzjalitajiet tiegħu. U nitolbu biex ma nkunux ikkundizzjonati, meta nħarsu lejn l-oħrajn, mit-tikketta li nagħmlulhom, qishom nitfgħuhom f’garżella biex joqogħdu hemm, imma jkollhom l-opportunità li jimxu ’l quddiem fil-ħajja u jagħmlu tassew dak li hu ta’ ġid, li Alla jrid minnhom fl-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju