L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Waslet is-siegħa li fiha Bin il-Bniedem ikun igglorifikat” (Ġw 12:23). Għal diversi drabi fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, il-Mulej stess jgħid li ma kinitx għadha waslet is-siegħa tiegħu. Nieħdu pereżempju l-episodju sabiħ tat-tieġ ta’ Kana. Lil ommu jgħidilha: “Għada ma waslitx is-siegħa tiegħi” (Ġw 2:4). Imma issa li l-Griegi qed ifittxu li jarawh, qed jixxenqu biex isiru jafuh (ara Ġw 12:21), il-Mulej jifhem li waslet is-siegħa li jkun igglorifikat.

L-Evanġelju ta’ San Ġwann juża l-kelma ‘gglorifikat’ biex ifisser u jispjega dak kollu li qegħdin niċċelebraw f’dawn l-aħħar jiem tar-Randan u li se niċċelebraw b’solennità kbira mill-Ħadd li ġej għal ġimgħa sħiħa u l-ġimgħa ta’ wara, fil-misteru qaddis tal-Għid. Għax il-glorifikazzjoni ta’ Ġesù mhijiex il-qawmien mill-imwiet biss imma hija s-salib tiegħu u l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Ħin minnhom Ġesù jifhem li la waslet is-siegħa u jrid ikun dik il-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art biex tmut, biex ma tibqax weħidha imma la tmut tagħmel ħafna frott (ara Ġw 12:24). Għalih tasal is-siegħa li jitlef ħajtu: “Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja, iħarisha għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 12:25). Għax Ġesù dak li jitlob minna, jibda billi jagħtina l-eżempju konkret tiegħu.

Hu li jixtieq li aħna nkunu qaddeja tiegħu u miegħu, jgħidilna biex nimxu warajh. Jispjegalna li din it-tbatija — li hija l-kapaċita li tilqa’ ġol-istonku r-rifjut, il-kontradizzjonijiet, il-kontrattempi, l-ostilità — minflok tirrispondi b’vendetta u bi vjolenza, inti tikkalmaha dik il-vjolenza. Wara kollox, dan hu l-misteru kbir tas-salib tal-Mulej: uriena li jħobbna u aħna litteralment bżaqnielu f’wiċċu. Hu ma rrispondiex kif kien jistħoqqilna imma jilqa’ d-daqqiet tal-ponn li nagħtuh b’kefrija kbira u jsarrafhom f’sinjal ta’ fidwa.

Għalhekk, nistgħu nifhmu għaliex permezz tal-profeta Ġeremija, fl-ewwel qari smajna lill-Mulej jispjega li l-patt li għamel il-Mulej magħna l-bnedmin se jibqa’ dejjem patt ta’ mħabba: għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, huma ċaħduni (ara Ġer 31:32). Imma l-patt li għamel magħna l-Mulej u li huwa ssiġġillat bid-demm ta’ Ġesù, huwa patt li permezz tiegħu “hu jkun Alla tagħna u aħna nkunu l-poplu tiegħu” (Ġer 31:33).

“Jien naħfrilhom ħżunithom u ħtijiethom ma niftakarhomx aktar” (Ġer 31: 34). Mhux dan huwa l-lingwaġġ tal-imħabba? Tal-għerusija vera tal-Mulej? Ġesù jifhem li waslet is-siegħa li hu jagħti ħajtu imma fl-istess ħin jobdi lill-Missier sal-aħħar.

“Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda,” jgħid, “u x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa?” (Ġw 12:27). Hekk se ngħid? Din hija l-agunija kbira li tlieta mill-evanġelisti jfissrulna fl-Ort tal-Ġetsemani. Din it-talba li jitbiegħed minnu dan il-kalċi ta’ mrar, ta’ tbatija, din il-magħmudija, full immersion fit-tbatija. “Jiena għalhekk ġejt għal din is-siegħa,” jirrealizza u jgħid Ġesù (Ġw 12:27). B’dan il-kliem, “Missier, agħti glorja lil ismek” (Ġw 12:28) lill-Missieru jgħidlu: “Jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int kif fis-sema hekka fl-art” (Mt 6:9-10). 

Allura nifhmu dak li jgħid l-awtur tal-Ittra lil-Lhud: “Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugh minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben tgħallem minn dak li bagħta xi tfisser l-ubbidjenza” (Lhud 5:7-8). Kien iben, kellu fiduċja kbira fil-Missier li seta’ jsalvah mill-mewt. Imma l-Missier ma ħafirx il-proċess tal-mewt lil Ibnu. “Il-qamħa taqa’ fl-art u tmut biex ma tibqax weħidha imma tagħmel ħafra frott” (Ġw12:24). Bl-ubbidjenza tiegħu Ġesù ħassar id-diżubbidjenza tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna, tiegħi u tiegħek. Hu stedinna biex inkunu parti minn dawk il-ġnus bla għadd li nieħdu mis-salvazzjoni li tana. “Laħaq il-perfezzjoni u sar awtur tas-salvazzjoni għal kull min jisma’ minnu” (Lhud 5:9) .

Il-leħen tal-Missier jikkonferma li r-rieda tiegħu hija li jigglorifika lill-Iben. “Jiena diġà gglorifikajtu u nerġa’ nigglorifikah” (Ġw 12:28). It-talba tagħna f’dawn il-ġranet qaddisa tar-Randan hija li ninġibdu lejh, “li ntrefa’ ’l fuq mill-art” (Ġw 12:32). Din l-espressjoni li jintrefa ’l fuq mill-art, San Ġwann jispjegahielna. “Qal dan biex jurina b’liema mewt kien sejjer imut” (Ġw 12:33).

Aħna l-Maltin u l-Għawdxin, li f’dawn il-ġranet qaddisa npoġġu s-slaleb għeżież fil-galleriji, fit-twieqi tagħna, mal-każini tagħna, mal-knejjes tagħna, u fil-pjazez u t-toroq tagħna, nitolbu li dan is-sinjal estern tad-devozzjoni u l-imħabba tagħna, jiġbidna tassew lejn Ġesù: “Dik il-qamħa li kienet lesta tmut biex tagħmel ħafna frott,” dak l-Iben li tgħallem mit-tbatija tiegħu xi tfisser tħobb il-Missieru u obdih, dak l-għarus li fuq is-sodda ħarxa tas-salib jiftah qalbu għalina biex ma jkun jista’ jagħlaqha qatt.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 31:31-34
Salm: 50(51):3-4,12-13,14-15
Qari II: Lhud 5:7-9
Evanġelju: Ġw 12:20-33

L-Ariċsqof Scicluna jbierek il-qabar tal-Arċisqof Ġuzeppi Mercieca li llum hu l-ħames anniversarju mill-mewt tiegħu.