Hemm talba li aħna ngħidu ħafna drabi f’mument importanti tal-quddiesa eżatt wara li Ġesù jiġi fostna taħt ix-xbihat tal-ħobż u l-inbid li jsiru l-Ġisem u d-Demm tiegħu. Is-saċerdot jgħidilna: “Dan hu l-misteru tal-fidi” u waħda mir-risposti sbieħ li ħafna drabi ngħidu hi: “Inħabbru l-mewt tiegħek, Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek, nistennewk sa ma tiġi fil-glorja”. Nistennewk sa ma tiġi fil-glorja!

Dan li qegħdin nagħmlu f’dan l-istaġun tal-Avvent. F’kull quddiesa niċċelebraw il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Imma f’kull quddiesa wkoll nistennewh sa ma jiġi fil-glorja. Hu ġie fostna bħala bniedem, nafu d-data – 2,000 sena ilu, u iżjed issa għax iż-żmien qed jgħaddi, imma jerġa’ jiġi. Dwar din id-data ma nafux meta, anzi fl-Evanġelju li għadna kemm smajna minn San Mattew – għaliex din is-sena, illum, qegħdin nibdew naqraw siltiet mill-Evanġelju ta’ San Mattew – għax illum bdejna qisu kollox mill-ġdid. Is-sena li għaddiet qrajna siltiet mill-Evanġelju ta’ San Luqa matul is-sena nhar ta’ Ħadd; dis-sena nhar ta’ Ħadd fil-laqgħat tagħna, kull nhar ta’ Ħadd se naqraw siltiet mill-Evanġelju ta’ San Mattew.

F’din is-silta magħżula mill-aħħar tal-Evanġelju ta’ San Mattew għax titkellem fuq it-tmiem, Ġesù jgħidilna: “Kunu lesti għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem” (Mt 24:44). Mela aħna nafu meta twieled imma ma nafux meta se jerġa’ jiġi fil-glorja. Allura dan l-Avvent li aħna qed nibdew illum, jippreparana biex nistennew lil Ġesù kull jum ta’ ħajjitna.

San Pawl, fit-tieni qari li smajna llum jagħtina ftit ħjiliet. Bil-Malti għandna din l-espressjoni li nħobb nużaha għax togħġobni ħafna: “ngħixu ta’ nies”. Kif tistenna ’l Ġesù? Mhux billi torbot idejk u tgħid: ‘ara mhu se nagħmel xejn, dalwaqt ġej Ġesù’. Kien hemm Insara ta’ fi żmien San Pawl li ma ridux jaħdmu; kienu joqogħdu jitolbu u jgħidu: ‘issa jiġi Ġesù’. U San Pawl qalilhom: ‘Min ma jaħdimx, m’għandux dritt jiekol, araw x’se tagħmlu u xammru l-kmiem’. Għax l-istennija tagħna trid tkun stennija ferrieħa għax se niltaqgħu mal-Mulej imma trid tkun ukoll stennija li fiha nagħmlu d-dinja ftit aħjar. Nibdew minna nfusna, mill-ambjenti ċkejknin: il-familja, l-ambjent tax-xogħol, is-soċjetà tagħna, id-dinja. Għax din bħal ċagħqa li tagħmel ċrieki konċentriċi, hekk ukoll dak kollu li tagħmel inti għandu effett fuqek innifsek, fuq ta’ madwarek mingħajr ma trid forsi, mingħajr ma taħseb.

Aħna nixtiequ li kull tarbija, ġiet kif ġiet fid-dinja, il-ħajja għax il-ħajja sabiħa wisq, prezzjuża wisq. Min jien jien li nċaħħad l-kreatura li bdiet teżisti miċ-ċans li tgħix?

Ġesù jgħallimna wkoll li dak kollu li jidher għażiż għalina għad jispiċċa l-aħwa u dan mhux biex ibeżżgħana, biex jgħidilna: ‘Isma’ gawduha l-ħajja, taħarqux ħajjitkom bil-vizzji, bis-sokor, bl-inkwiet iż-żejjed, bir-rabja u l-għira u l-ġlied” (ara Rum13:13). Fil-paċi ma’ kulħadd magħna nfusna, mhux biss ngħixu ta’ nies, imma ngawdu ħajja li tant hi sabiħa, tant hi sabiħa l-ħajja, tant nixtiquha għal kulħadd.

Allura Ġesù qed jgħallimna kemm hi prezzjuża l-ħajja, jgħidilna ma tafux meta se tispiċċa l-aħwa, mela ħudu ħsieb li kull ġuranata tkun speċjali. Kieku naf li għada jiena ma nkunx hawn, se  jsejjaħli, jgħidli: ‘one way ticket issa, ħabib’, illum ngħixu b’mod differenti forsi, imma għandi għalfejn noqgħod ngħid kieku llum ngħixu b’mod differenti?

Għandek toqtol xi ħadd għax theddida għas-saħħa tiegħek, mhux għall-ħajja tiegħek, imma għas-saħħa tiegħek?

Darba kien hemm xi ħadd lil San Domenico Savio, tifel ta’ 12-il sena, ħabib ta’ San Ġwann Bosco, qallu: ‘Domenico, kieku ngħidlek li għada se tmut, tkompli tilgħab l-futbol?’ ‘Dażgur li nkompli nilgħab,’ qallu. Domenico ried jgħid ‘mela għax se mmut għada, se ċċaħadni minn logħba futbol, milli nieħu pjaċir, ingawdi l-ħajja, milli ngħix kuntent u b’qalbi safja?’ Il-ħajja kemm hi prezzjuża, kemm hi sabiħa!

Għalhekk niġu għat-tieni sinifikat tal-Avvent. Bdejna dawn ix-xandiriet minn din il-parroċċa għażiża ddedikata lill-Madonna. Hawnhekk it-titlu tal-Madonna hi meta waslet, it-tlugħ tagħha fis-sema. Imma l-Avvent jgħinna nakkumpanjaw lill-Madonna fil-bidu tal-vjaġġ tagħha bit-tqala b’Ġesù. Aħna nakkumpanjaw ’l Madonna hi u tistenna lil Ġesù, tistenna t-twelid tiegħu, aħna wkoll ningħaqdu magħha b’mod speċjali lejn l-aħħar jiem tal-Avvent, dawk is-sebat ijiem immedjatament qabel il-Milied ta’ Ġesù mis-17 ta’ Diċembru ’l quddiem.

Nixtieq nieħu dan l-ispunt, dan is-sinifikat biex nagħmel talba u appell lill-parlamentari tagħna li f’dawn il-ġranet għandhom liġi li jekk ma jbiddluhiex tista’ ddaħħal l-abort f’pajjiżna. Mhux f’dan il-mument jew dan hu l-mod kif aħna nistennew it-twelid ta’ tarbija. Aħna nixtiequ li kull tarbija, ġiet kif ġiet fid-dinja, il-ħajja għax il-ħajja sabiħa wisq, prezzjuża wisq. Min jien jien li nċaħħad l-kreatura li bdiet teżisti miċ-ċans li tgħix? Min jien jien? U naf li jkun hemm ċirkustanzi iebsa għal ħafna nisa, nixtieq insellmilhom u nitolbu ħafna għan-nisa li kultant isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna.

U l-liġi se tgħin meta tgħid li inti m’għandek tikkundanna lil ebda mara għall-mewt u tagħmel li hemm bżonn biex issalva l-ħajja tal-omm. Imma l-liġi tgħid iżjed minn hekk, jew almenu l-proposta tal-liġi tgħid li ‘għal kwistjonijiet ta’ saħħa’, mhux ta’ ħajja tal-omm, tas-saħħa tal-omm inti tista’ toqtol lit-tarbija. Għandek toqtol xi ħadd għax theddida għas-saħħa tiegħek, mhux għall-ħajja tiegħek, imma għas-saħħa tiegħek? L-appell li nagħmel hu appell umli b’rispett imma appell qawwi f’isem Alla. X’jiswa l-aħwa, li aħna nżejnu d-djar tagħna u ngħidu li se nagħmlu l-parties għall-Milied, x’se niċċelebraw? Niċċelebraw li daħħalna liġi li toqtol it-tfal fil-ġuf?

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 2:1-5
Salm: 121(122):1-2,4-5,6-7,8-9
Qari II: Rum 13:11-14a
L-Evanġelju: Mt 24:37-44