Waqt il-programm The Handbook fuq RTK103, Fr Anthony Fitzpatrick qal li kultant ikollna nuqqas ta’ gratitudni għal dak li għandna fejn qed nippretendu kollox u ma sirna napprezzaw xejn.
Il-mistednin ta’ The Handbook ta’ din il-ġimgħa huma Fr Anthony Fitzpatrick u Dr Yana Psaila. The Handbook jixxandar kuljum fuq RTK103 fil-05.30, fis-12:40, fis-19.20 u fid-21.30, kif ukoll fuq Facebook permezz tal-paġna The Handbook.
Silta mill-qari tal-lum
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa – Lq 13, 10-17
Kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista’ tieqaf dritta għalkollox. Kif raha Ġesù sejħilha u qalilha: “Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek”. U qegħdilha jdejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla. Qabeż il-kap tas-sinagoga, b’saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’jum is-Sibt, u qal lin-nies: “Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt”. “Uċuħ b’oħra”, wieġbu l-Mulej: “Mhux kull wieħed minnkom f’jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih? U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?”.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by George Cassar




