L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-festa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara kien introduċiha bħala festa l-Papa Piju VII b’ringrazzjament wara li hu nħeles minn priġunier ta’ Napuljun fejn kien żammu f’Fontainbleu bejn l-1809 u l-1814. Meta Napuljun spiċċa minn imperatur u kien eżiljat hu f’Elba, il-Papa rritorna Ruma u għamel din il-festa, iffissa d-data tal-24 ta’ Mejju bħala l-jum tal-festa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara.
Hija festa sabiħa ħafna, imma tfakkarna f’dan it-titlu “Għajnuna tal-Insara” li hu antik, anzi wieħed mit-titli l-aktar antiki. Jingħad li kien San Ġwann Krisostmu l-ewwel wieħed li użah fis-sena 354, imma kien titlu lil Marija li kien komuni f’diversi postijiet: fl-Eġittu, fil-Greċja, f’Efesu, f’Lixandra, u oħrajn. Imbagħad sar ukoll aktar mifrux meta, wara l-Battalja ta’ Lepanto, il-Papa Piju V daħħal dan it-titlu fil-Litanija ta’ Loreto, il-Litanija tal-Madonna li ngħiduha kull darba li nirreċitaw ir-rużarju hawnhekk. Nafu li d-devozzjoni nfirxet ħafna mbagħad minn San Ġwann Bosco; speċjalment xtaq li l-familja Sależjana tkun mibnija fuq dawn iż-żewġ pilastri: l-Ewkaristija, u Marija Għajnuna tal-Insara.
Xi tfisser “Marija Għajnuna tal-Insara” għal ħajjitna? L-ewwel nett niftakru li din hija omm li tana Ġesù. Tahielna din l-omm meta kien fuq is-salib, u bħalma kienet omm li tieħu ħsiebu lilu, u dejjem takkumpanjah, u dejjem tħarsu b’imħabba kbira, hekk Ġesù ried li tkun omm li tieħu ħsieb lilna, kull wieħed u waħda minna, billi takkumpanjana, u timxi magħna l-jiem kollha ta’ ħajjitna. U hekk kienet fil-bidu tal-Knisja. Rajnieha fil-Qari mill-Atti tal-Appostli, meta kienet miġubra mal-appostli u niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. Marija kienet hemm magħhom; diġà mill-bidu takkumpanja lill-Knisja.
Tfisser ħafna Marija Għajnuna tal-Insara, u naraw b’liema mod tgħin fl-Evanġelju tal-lum, tat- tieġ ta’ Kana. Naraw lil Marija preżenti għal dan it-tieġ. Hi tinduna b’nuqqas li kien hemm – li naqas l-inbid – u riedet tgħin bl-aħjar mod. Għalhekk, lil Ġesù li seta’ jagħmel xi ħaġa, qaltlu żewġ kelmiet: “M’għandhomx inbid” (Ġw 2:3). Fil-kwiet, bla storbju, bla ma tiġbed l-attenzjoni fuqha qisha qed tgħid “ara x’se nagħmel biex ngħin” – xejn minn dan! Għenet, daħlet għal dawn il-miżżewġin li kienu qed jiċċelebraw it-tieġ tagħhom. U tagħti parir ukoll lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Bl-azzjoni tagħha li tgħin, tidħol, tinterċedi għal dawn il-miżżewġin, u bil-parir tagħha, hemmhekk narawha tassew bħala “Marija Għajnuna tal-Insara”.
Meta qed niċċelebraw din it-tifkira sabiħa, tajjeb li nħarsu lejn il-Madonna u niftakru li hi l-għajnuna tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna. U tgħinna proprju kif għamlet hawnhekk fit-tieġ ta’ Kana. Tgħinna billi tidħol għalina, takkumpanjana, tagħmel dan b’imħabba kbira fis-skiet, fil-kwiet. Nafu li għandna din l-omm miexja magħna fil-ħajja tagħna biex lilna ssostnina, tqawwina, tagħtina dak li tassew neħtieġu. U tagħmel dan ukoll bil-parir li tagħtina, għax il-parir li tat hawnhekk lill-qaddejja hu l-parir li dejjem tagħti lilna: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” – “hu” jiġifieri Ġesù. Hemm issibu tassew l-aktar importanti fil-ħajja. “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” terġa’ tirrepetihielna f’widnejna, fil-qalb tagħna. Dan hu parir tajjeb, hu parir li permezz tiegħu Marija tassew tkun ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna. U bħalma hi ta’ għajnuna individwalment għalina, hi wkoll għall-Knisja. Fil-fatt, interessanti li “Marija Għajnuna tal-Insara” narawha preżenti fl-istorja tal-Knisja speċjalment f’mumenti diffiċli tagħha. Il-Knisja tgħaddi minn żminijiet diffiċli wkoll, imma taf li għandha din l-għajnuna – Marija – li timxi magħha u li turiha tassew it-triq it-tajba.
Nitolbu lill-Marija llum biex tkun tassew din l-għajnuna fil-ħajja tagħna, speċjalment fil-mumenti diffiċli, fil-mumenti ta’ tbatija, meta ngħaddu minn ħafna ostakli. Meta naraw id-dlam, tkun hi tmexxina, li takkumpanjana, għax nafu li fiha dejjem insibu l-għajnuna kollha li neħtieġu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju