L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Bħal-lum nibdew is-sena billi nfakkru lil omm Ġesù. Fil-fatt, fis-Sliema u l-Qaddisa insellmulha b’dan it-titlu tant sabiħ: ‘Qaddisa Marija, Omm Alla’. L-omm tgħallimna l-ikbar barka: l-barka tal-imħabba, tal-mogħdrija u tal-ħajja.

Is-Salm tant sabiħ li smajna kantat illum, is-Salm 67, għandu frażi sabiħa li nixtieq noffriha bħala barka wkoll fuq pajjiżna u fuq id-dinja: “Iħenn għalina Alla, u jberikna” (Salm 67:1).

Meta nitolbuh biex iħenn għalina nagħrfu li hemm affarijiet fil-ħajja, fis-soċjetà u fid-dinja, li għandna bżonn nirranġawhom xi ftit. Il-ħniena ta’ Alla għandha din il-qawwa li tidħol fl-istorja tiegħi, tal-umanità, u ta’ kull wieħed u kull waħda minna, u tittrasforma dak li hu negattiv, f’għajn ta’ għerf, ta’ umiltà, u ta’ għaqal. Mhux bilfors se treġġa’ l-arloġġ imma almenu tgħallimni ngħix ħajja aħjar; tgħallimni nkun bniedem aħjar.

Alla jbierek mhux lil min hu perfett. Meta titlob il-barka ta’ Alla, ma titlobhiex għaliex għandek kollox sew, anzi, li titlob il-barka ta’ Alla tfisser li tagħraf li għandek bżonnu. Talba oħra importanti ta’ San Ġorġ Preca li tajjeb ngħiduha lil Alla matul din is-sena hi: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.

Fil-messaġġ tiegħi għall-Milied, diġà għedt li matul din is-sena nixtieq noffri ħames barkiet li l-poeta nazzjonali Dun Karm isemmi fit-tieni strofa tal-Innu Malti.

Meta ngħidu “Agħti, kbir Alla” inkunu qed infissru li dak kollu li qed nitolbu nafu li ġej mingħand Alla. Fl-Innu Malti nagħrfu li għandna bżonn lil Alla. Kemm hu sabiħ il-kliem għażiż tal-Innu Malti li nkiteb iżjed minn mitt sena ilu.

Imma x’nitolbuh lil Alla f’Innu Malti? Nitolbuh ħames barkiet. L-ewwel nitolbuh id-dehen, jew inkella l-għerf, l-għaqal jew il-prudenza; għax il-kelma ‘dehen’ tfisser dan kollu. Minn hawnhekk, nixtieq nitlob id-dehen mhux biss lil min jaħkimna, imma fuqna lkoll li nieħdu ħsieb xulxin. Id-Dar tal-Providenza hija statement ta’ kemm aħna l-Maltin nafu nieħdu ħsieb lil xulxin. Ma naqtgħux qalbna u nagħrfu t-tajjeb li hemm fina. Anke dan huwa dehen għaliex huwa nuqqas ta’ għaqal li tieqaf biss fin-negattiv u ma tarax li hemm it-tajjeb. Il-Mulej jagħtina d-dehen biex nagħrfu t-tajjeb u l-ħażin, u mbagħad nagħżlu t-tajjeb. Dak hu l-ikbar għaqal. Mhux hekk ngħallmuhom lil uliedna u lil ulied uliedna?

It-tieni barka hija l-ħniena. Id-Dar tal-Providenza hija dar tal-ħniena. Ħniena mhux ta’ min jgħid kemm jiddispjaċih. Le! Din hi l-ħniena ta’ min ixammar il-kmiem u jgħid li hemm bżonn li jsir il-ġid, u jipprova jagħmel li jista’ biex iwettqu. Il-ħniena tqanqlek biex tkun ta’ servizz u tqanqlek biex tagħti ħajtek. Il-ħniena bejn il-ġenerazzjonijiet u l-ħniena mal-ħolqien.

It-tielet barka hija s-saħħa. Din id-dar ukoll hija statement li s-saħħa mhijiex biss fiżika jew mentali imma wkoll il-kwalità tal-ħajja, il-well-being. Kull persuna hawnhekk hija sagra għax fid-dinja ħadd mhu perfett; hawnhekk ngħożżu l-valur tal-ħajja għax kull persuna għandha dritt li jkollha kwalità ta’ ħajja mill-aħjar. Jiena nitlob id-don kbir tas-saħħa fuq kull wieħed u waħda minna, u b’mod speċjali, nitlob ukoll il-barka tal-ulied fuq il-pajjiż.

Iż-żewġ barkiet li Dun Karm itemm bihom l-Innu Malti huma l-għaqda u s-sliem. Bħal-lum nieħu pjaċir, bħalma ħadt pjaċir f’l-istrina, nara lil kulħadd jikkopera għal għan wieħed. L-aħwa, din hija l-għaqda li niġbdu ħabel wieħed bi skop ta’ ġid komuni. Illum ukoll hija festa ta’ għaqda, bħalma kienet ukoll l-istrina, fejn kulħadd—bil-kapaċità tiegħu—jagħmel li jista’ għall-ġid. Jalla dan l-ispirtu sabiħ li qiegħed fostna imexxina kull jum ta’ matul is-sena. Kull jum tas-sena jkollna din l-idea—anke jekk ma naqblux jew għandna ideat differenti—biex niġbdu ħabel wieħed għall-ġid tal-pajjiż u għall-ġid tad-dinja.

L-aħħar barka, hija barka għażiża, l-barka tas-sliem, il-barka tal-paċi. Għandna bżonnha fil-qalb tagħna. L-aħwa, jista’ jkollok kemm ikollok ġid, iżda jekk ma għandekx il-paċi f’qalbek tkun l-ikbar fqir. Min għandu l-paċi f’qalbu hu sinjur kbir. Nitolbu din il-barka tal-paċi fil-qalb li tiġi minn kuxjenza tajba, minn ħajja mogħtija għall-oħrajn, mill-kapaċità li taħfer u li tħoss kompassjoni għal ħaddieħor. Dawn kollha huma l-ingredjenti tal-paċi. Nitolbuha wkoll fuq pajjiżna u fuq id-dinja.

Kieku Ġesù jkollu jerġa’ jitwieled illum f’Betlehem, imdawwar bis-suldati, imdawwar bil-bumbardamenti, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem ikun jista’ jorqod billejl? Marija u Ġużeppi jkunu jistgħu jaslu Betlehem biex iwelldu fil-belt u d-dar ta’ David? Nitolbu għall-paċi fil-Palestina, fl-art fejn twieled Ġesù, u fid-dinja. Niftakru fl-Ukrajna, mill-inqas, il-kalkolu konservattiv hu li  nqatlu ma’ nofs miljun vittma, ħames mitt elf persuna maqtula. Għaliex?

Għalhekk, fil-bidu ta’ din is-sena nitolbu ħafna l-barka tas-sliem. Nitolbu l-ħames barkiet: id-dehen, il-ħniena, s-saħħa, l-għaqda u s-sliem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 15:1-6; 21:1-3
Salm: 104 (105):1b-2,3-4,5-6,8-9
Qari II: Lhud 11:8,11-12,17-19
L-Evanġelju: Lq 2:22-40

Aktar ritratti