L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-istedina li għamlilna Ġesù fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, tirrepeti ruħha minn dan il-post għażiż ta’ kuljum: “Ejjew għandi intom li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom” (Mt 11:28).

Dan il-post mill-1858, Sidtna Marija kienet messaġġiera, ambaxxattriċi tal-istedina ta’ binha. Għax il-kelma tal-Madonna mhix ’il bogħod mill-kelma ta’ binha. Il-missjoni tagħha anke issa, reġina tas-sema u tal-art hi li tibqa’ ttenni l-kelma li qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu.” Għax l-omm taf li hi tant qrib il-qalb ta’ binha, li binha l-iben t’Alla magħmul bniedem jixtiqilna l-aqwa ġid. L-interess tiegħu li aħna nkunu ferħanin, issa u għal dejjem, li ngħumu fil-paċi tiegħu, issa u għal dejjem.

Kemm hi għażiża t-talba li tgħallimna ngħidulha lill-Madonna miċ-ċokon, itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Itlob għalina issa, la aħna midinbin, għax għandna bżonn il-maħfra tal-Mulej. Għandna bżonn niskopru li fih hemm il-ferħ tassew. Il-Mulej jgħallimna triq ta’ dan il-ferħ: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi”.

Il-madmad ta’ Ġesù hu dak kollu li l-ħajja tibgħatilna u li aħna naċċettawh f’ismu. Għandek xi ħadd għażiż li qed ibati? Inti tbati miegħu jew magħha. Hu parti mill-madmad tal-imħabba. Għandek xi mard li qed iġġorr? Tħossokx waħdek. Fil-via crucis li se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor, nieqfu nikkontemplaw fuq il-misteru meta Xmun iċ-Ċirinew jgħin lil Ġesù jerfa’ salibu. Aħna bil-Malti kultant nużaw din l-espressjoni b’mod negattiv: terfa’ salib ħaddieħor. Imma hemm ukoll realtà pożittiva li min ikun mgħaffeġ bit-tbatija, bl-ansjetà ma jħossux waħdu.

Ejjew nibqgħu nitolbuha lill-Madonna li tkun magħna fis-siegħa tal-mewt tagħna u mhux nieħdu ħajjitna b’idejna.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Il-ħlewwa ta’ bejnietna, il-maħfra tal-għedewwa, l-umiltà ta’ kif inġibu ruħna huma t-triq tal-paċi. U Ġesù jgħid: “U intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.”

Minn hawnhekk il-Madonna xtaqet li jkollna oasi ta’ paċi, ta’ talb, ta’ maħfra u fl-istess ħin ta’ fejqan. L-ewwel il-fejqan spiritwali bis-sagramenti tal-maħfra, tar-rikonċiljazzjoni, tal-qrar u tas-sagrament tad-dilka tal-morda li se niċċelebraw flimkien għada fl-aħħar ċelebrazzjoni sabiħa li se nagħmlu flimkien. Hawnhekk post ta’ fejqan spiritwali. U biex il-Madonna tkun messaġġiera tal-qawwa ta’ Alla li jfejjaq, Alla ppermetta li minn hawn isiru mirakli kbar. S’issa wasalna fit-73 miraklu approvat u li seħħu hawnhekk waqt il-purċissjoni tas-sagrament għax il-mirakli f’Lourdes, biex is-sinjal ikun ċar li Alla jagħmel il-miraklu mhux il-Madonna, isiru waqt il-barka bl-Ewkaristija. Bl-interċessjoni tagħha li tidħol għalina uliedha.

Hawnhekk illum nitolbu għall-paċi fid-dinja, nitolbu għal pajjiżna. Ippermettuli nagħmel talba speċjali f’dan il-mument għażiż u storiku f’pajjiżna. Aħna fis-Sliema u l-Qaddisa, nitolbuha titlob għalina issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ejjew inkomplu nitolbu lill-Madonna biex għal kull Malti u Għawdxi tkun hi li takkumpanjana fis-siegħa tal-mewt tagħna, ifhmuni, tkun hi. Ejjew ma nwarrbux lill-Madonna fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ejjew nibqgħu nitolbuha lill-Madonna li tkun magħna fis-siegħa tal-mewt tagħna u mhux nieħdu ħajjitna b’idejna. Ejjew inkomplu nitolbuha lill-Madonna: Itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna, Ammen. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżodu 3:13-20
Salm: 104 (105):1 u 5,8-9,24-25,26-27
L-Evanġelju: Mt 11:28-30

Aktar ritratti