• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Katidral tal-Imdina
    29 ta’ Ġunju 2018

    “Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni” (2 Tim 4:18). Dawn il-kliem mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Missierna lil Timotju, huma kliem li jsibu l-eku tagħhom fil-liturġija tal-kelma tal-jum qaddis ta’ din is-solennità.

    Fir-responsorju, aħna u nimmeditaw fuq l-Ewwel Qari, kantajna: “Dawk li jibżgħu mill-Mulej, l-anġlu tiegħu jeħlishom”. U s-Salm jirrepeti din il-persważjoni antika fil-fidi tal-poplu ta’ Alla: “L-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu u jeħlishom” (P 33, 8). Pietru, wara li nħeles mill-ħabs ta’ Erodi, jistqarr: “Issa naf tassew li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni” (Atti 12:11).

    San Pietru għamel l-esperjenza tal-ħniena ta’ Ġesù diversi drabi f’ħajtu, imma l-mument l-iżjed kommoventi huwa meta wara t-tradiment jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ mal-ħarsa ta’ Ġesù.

    Din hija l-esperjenza profonda taż-żewġ appostli li qegħdin niċċelebraw flimkien illum: “Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni”. Hija esperjenza tal-bżonn radikali tagħhom tal-għajnuna ta’ Alla, kemm biex jistqarru l-fidi f’Ġesù u kif ukoll biex ikunu jistgħu jixhdu għaliha sal-aħħar. Hija l-esperjenza ta’ min jaf x’jiġifieri li l-Mulej iħenn għalih, l-esperjenza ta’ min meta jisma’ l-Magnificat ta’ Omm Ġesù, jgħid: ‘Din l-esperjenza tiegħi’, għax il-Madonna tgħid: “Ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1:54). 

    San Pietru għamel l-esperjenza tal-ħniena ta’ Ġesù diversi drabi f’ħajtu, imma l-mument l-iżjed kommoventi huwa meta wara t-tradiment jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ mal-ħarsa ta’ Ġesù. U l-ħarsa ta’ Ġesù, ħarsa ta’ ħniena, ħarsa ta’ mħabba, iġġiegħlu jirrealizza kemm kien kbir it-tradiment tiegħu. Il-ħarsa ta’ Ġesù li tibqa’ tfittex fil-qalb ta’ Pietru dik l-imħabba profonda: “Xmun, bin Ġona, tħobbni int?” (Ġw 21:16).

    Hu u jistqarr il-verità li Ġesù huwa l-Messija bin Alla l-ħaj, Ġesù stess jgħinu jirrealizza li l-istqarrija tiegħu hija frott għajnuna speċjali tal-Mulej. “Ħieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam urik dan imma Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 16:17). Pietru jifhem li għalkemm huwa magħżul bħala l-blata li fuqu l-Mulej jibni l-Knisja tiegħu, din il-ħaġa u dan il-privileġġ mhuwiex frott tal-bravura tal-appostlu imma frott l-għajnuna misterjuża tal-Missier għani fil-ħniena.

    Kemm hemm għaqal u għerf fis-suċċessur ta’ San Pietru, fil-Papa Franġisku, meta jgħallimna noqgħodu attenti f’ħajjitna minn Neo-Pelaġjaniżmu

    Jekk inħarsu lejn Pawlu, l-għannej tal-Mulej għani fil-ħniena, nifhmu li wkoll irid jammetti li minn persekutur sar difensur tal-Mulej Ġesù għaliex il-Mulej ħares lejħ u ħenn għalih. Il-Mulej għalih huwa mħallef ġust għax huwa mħallef ħanin. Huwa mħallef li se jagħtih il-kuruna tal-ġustizzja li hija frott il-ħniena.

    Kemm hemm għaqal u għerf fis-suċċessur ta’ San Pietru, fil-Papa Franġisku, meta jgħallimna noqgħodu attenti f’ħajjitna minn Neo-Pelaġjaniżmu, dik l-ereżija li ġġagħlna naħsbu li l-qdusija tagħna hija frott tal-bravura tagħna. “Il-qdusija tagħna hija l-laqgħa tad-dgħufija tagħna mal-ħniena u l-grazzja ta’ Alla”, jgħid u jgħallem il-Papa Franġisku. Meta aħna niftħu qalbna mimlija miżerja, meta aħna nbaxxu rasna kollna dnubiet u midinbin quddiem il-ħniena ta’ Alla, qegħdin nagħmlu pass ċkejken ieħor lejn il-qdusija il għaliha jsejħilna l-Mulej.

    Pietru huwa l-blata imma l-bibien tal-infern jippruvaw jegħlbuha din il-blata. Ġesu ma jwegħdux ħajja u appostolat mingħajr tfixkil, jgħidlu biss: “ma jegħlbuhiex” (Mt 16:18). Aħna u nħarsu lejn l-istorja tal-Knisja u nikkontemplaw it-taħbit li jkollna ta’ kuljum kontra l-ispirti tal-ħażen u l-inganni tax-xitan, nirrealizzaw mhux biss id-dgħufija tagħna imma l-verità tal-kelma ta’ Ġesù: “ix-xitan jipprova jegħelibna imma lill-Knisja tal-Mulej ix-xitan ma jegħelibhiex”. U din mhijiex se tkun il-bravura tagħna li twassalna għal din ir-rebħa imma wkoll il-ħniena u l-grazzja tal-Mulej.

    Il-persekuzzjoni ta’ Neruni fehmet li toqtol lil dawn iż-żewġ kolonni, li tumiljahom, li teqridhom. Imma kif inkanatw fl-innu ta’ din il-festa solenni: ‘il-glorja ta’ Ruma mhumiex ir-rovini ta’ imperu li spiċċa, imma ċ-ċarċir tad-demm ta’ dawn il-qaddejja fidili tal-Mulej.

    Aħna, illum, ningħaqdu mal-Knisja ta’ Ruma glorjuża biċ-ċarċir tad-demm ta’ San Pietru u ta’ San Pawl u nitolbu li nkunu verament Insara Kattoliċi b’ħarsa universali, bis-sejħa universali għall-qdusija tħeġġeġ fil-qalb tagħna. Waqt li nitolbu l-interċessjoni ta’ Pietru biex aħna nkunu dejjem fidili lejn il-Papa, is-suċċessur tiegħu, u nħarsu lejn l-Appostlu Missierna, Missierna fil-fidi, l-Appostlu Pawlu, u nitolbuh li aħna nkunu dejjem denji ta’ din il-paternità, ulied denji ta’ Missier hekk kbir. “Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem! Ammen”.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 12:1-11
    Salm: 33, 2-9
    Qari II: Tim 4:6-8. 17-18
    Evanġelju: Mt 16:13-19

     

  •  

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace