• Nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-pussess tal-Arċipriet il-ġdid Dun Sebastian Caruana, bħala l-Arċipriet il-ġdid għall-Parroċċa tal-Mosta.
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna 

  • Knisja Arċipretali tal-Mosta
    3 ta’ Diċembru 2016

    “Jiena ngħidilkom li Kristu sar qaddej minħabba l-fedeltà ta’ Alla”. L-Appostlu Missierna hu u jikteb lir-Rumani jgħid li Kristu sar qaddej tal-Lhud ċirkonċiżi, u jsemmi wkoll il-pagani. Jien nixtieq noffrilek dan il-ktieb għażiż Arċipriet Dun Bastjan, bħala programm għalik, inti u tibda dan il-ministeru li għalih qed isejjaħlek il-Mulej. Kristu sar qaddej.

    Meta aħna naħsbu fil-Lhud ċirkonċiżi, naħsbu wkoll f’dawk li fil-Ġimgħa l-Kbira għajtu “sallbu!” dawk li kif rawh imdendel mal-għuda tas-salib, qagħdu l-bogħod iħarsu. F’dawk li ttentawh biex jinżel minn hemm, “salva lil ħaddieħor, isalva wkoll lilu nnifsu!” Il-ġest tiegħu li aħna niċċelebraw u nikkomemoraw kull Ħamis ix-Xirka,  ifisser din il-missjoni tiegħu li jsir qaddej. Kristu sar qaddej. Il-motiv ta’ din l-għażla, ta’ din l-istrateġija, ta’ dan l-istil ta’ preżenza.   Kristu sar qaddej minħabba l-fedeltà ta’ Alla. Il-qadi kien sinjal tal-fedeltà tiegħu.

    Aħna u nispiċċaw is-Sena tal-Ħniena, irridu nkompluha din is-sena tal-ħniena. Jiena nawgura l-Arċipriet li l-ministeru tiegħek ikun ministeru ta’ ħniena mhux biss fil-kelma tiegħek, fit-tbissima tiegħek, tbissima kontaġġjuża, imma anke fl-ispirtu missjunarju li hemm fil-qalb tiegħek u li żgur jaf jentużjażma il-parroċċa għażiża, biex taħseb anke mhux biss fl-oħrajn bħalma taf tagħmel, imma l-ispirtu missjunajru.

    Illum iċċelebrajna t-tifkira liturġika ta’ San Franġisk Saverju u fl-Albanija fid-djoċesi ta’ Tirana f’Durres, ħa l-pussess Arċisqof Malti, f’dik l-art fejn inti wkoll ħdimt bħala missjunarju fl-Albanija, fik ukoll ħa l-pussess Monsinjur George Frendo Dumnikan bħala Arċsiqof ta’ dik l-Arċidjoċesi. Jiena naf li fil-qalb tiegħek hemm il-ħeġġa missjunarja, qed nafdalek mhux biss knisja kbira, imma poplu kbir u trid tieħu ħsiebhom it-tnejn.

    L-ewwel nett għax parroċċa kbira għandha bżonn knisja kbira fejn tiltaqa’ u jiena qed ngħidlek . quddiemhom, agħmel dak kollu li tista’ u jiena miegħek biex dan it-tempju maestuż jitħares dejjem u aħna nevitaw kwalunkwe nkwiet ta’ issa u tal-futur. Irrid inserraħ ras u qalb il-Mostin li l-Knisja f’Malta mhux se tippermetti xejn li jpoġġi dan it-tempju fil-periklu, qed niftehmu? Hemm bżonn nisimgħu l-kelma minn għand l-Arċisqof, aħna nipparteċipaw f’kollox biex ikollna aċċess għal kull informazzjoni meħtieġa u intom tifhmu li dan huwa importanti li jseħħ. Aħna ma nemmnux fil-bojkott, aħna nemmnu li jkollna l-informazzjoni kollha, li jkollna l-esperti li jgħinuna, imma l-ewwel dover tagħna huwa li nħarsu l-patrimonju tal-Knisja f’Malta anke bħala kontribut għall-patrimonju tal-pajjiż. Fl-istess ħin irridu nidħlu fi djalogu ma’ soċjetà li għandha bżonnijiet attwali u urġenti, li jridu jkunu nies ta’ sens, nies ta’ djalogu. Xejn ma jsir bis-suppervja, isir bid-djalogu, imma aħna ma nistgħu qatt nipperikolaw ir-Rotunda, għaddiet biżżejjed minn affarijiet, jien ma rridtx li wara li ħlisnieha minn ta’ fuq, inġibuha b’idejna minn taħt, biex niftehmu. Tal-ewwel ġietna tajba, issa t-tieni ma nafx.       

    Imma jiena għażiż Arċipriet jiena ma ġibtekx biex tieħu ħsieb il-ġebel biss, biex tieħu ħsieb in-nies. Titħażżem bħalma jgħid il-kliem tal-Liturġija tal-Kelma t’Alla llum: “titħażżem bil-fedelta”. Il-ħżiem jissemma darbtejn fil-Liturġija tal-kelma llum, hemm il-ħżiem li bih tħażżem San Ġwann il-Battista dak il-ħżiem tal-ġilda tal-ġemel imma l-profeta jsemmi wkoll l-ħżiem tal-ġustizzja (ara Bar 5, 2). Il-ġustizzja tiegħek hija l-ħniena li Alla juża’ miegħek u l-ħniena li tuża’ mal-poplu.

    “U jeħles lil fqir li jsejjaħlu, lill-imsejken li m’għandux min jgħinu, iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar, il-ħajja tal-fqajrin isalva”. Dawn il-kliem għeżież iridu jkunu wkoll l-aġenda tagħna bħala komunità. Irridu nkunu minn quddiem fid-difiża ta’ min hu fqir, ta’ min hu batut, ta’ min hu mwarrab, ta’ min hu dgħajjef. Irid ikollna spirtu inklussiv fil-pastorali tagħna, ibda minna bejnietna s-saċerdoti li kultant nintilfu fil-ġudizzji ħorox ta’ bejnietna u bin-nuqqas ta’ inklussività. Kultant m’aħniex kapaċi nġorru l-piż, wieħed ta’ l-ieħor. Wara kollox Ġesù Kristu wkoll sab iċ-Ċirinew jew sabuhulu, imma ma rrifjutahx. Din il-kelma tgħodd ukoll għall-komunità.  Aħna bil-Malti għandna espressjoni  negattiva li ‘terfa’ salib ħaddieħor’ imma għandha wkoll  sinifikat profondament pożittiv, li meta tara li xi ħadd mgħaffeġ taħt it-toqol tas-salib inti toffri u tkun iċ-Ċirinew.

    Tafuhom biżżejjed il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira li jkunu hawn, u nagħlaq b’dan il-ħsieb li jimpressjonani, veru qegħdin fl-Avvent, imma noffrihulkom bħala xbieha ta’ dak li jiena nixtieq għalik għażiż Arċipriet, u għalikom għeżież membri ta’ din il-parroċċa. Fil-mużew f’Madrid, fi Prato hemm żewġ pitturi mhux kbar ħafna, ta’ Ġesù u ċ-Ċirinew li qiegħed jgħinu. Huma tal-pittur magħruf Tiziano u qegħdin ħdejn xulxin għaliex dan il-pittur famuż jagħmel żewġ verżjonijiet ta’ din ix-xena. Fl-ewwel kwadru Ġesu qed jerfa’ s-salib u hemm raġel li fl-ikonografija aħna nagħrfuh mal-ewwel bħala missier iċ-ċirinew li f’dawn iż-żewġ kwadri jieħu l-fattizzi tal-Missier Etern dan ir-raġel xiħ, bid-daqna twila. Ġesù fl-ewwel kwadru iħares lejh qed jgħidlu: “dan qiegħed nagħmlu għalik”. L-ewwel messaġġ li aħna nilqgħu din il-ħniena ta’ Ġesù, dik il-ħarsa tiegħu hu u jobdi lill-Missier, b’ħarsa ta’ iben ubbidjenti li joffri ħajtu bħala fidwa għalina. Kristu sar qaddej.  

    Fit-tieni kwadru Ġesù ma jħarisx lejna imma qiegħed iħares lejn iċ-Ċirinew lejn il-Missier qiegħed jgħidlu: “inti m’intix waħdek, jiena qiegħed miegħek, inti qiegħed tobdini, imma jiena qiegħed miegħek”. Hija risposta antiċipata għall-għajta ta’ Ġesu fuq is-salib: “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?” (Mt 27, 46). Meta nħossuna hekk,  kważi abbandunati għax Alla ma jitkellimx, Alla jkun tilef il-vuċi tiegħu, aħna niftakru li huwa qiegħed jgħinna nerfgħu s-salib. 

    “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Lq 3, 4). Dawn il-kliem ta’ Ġwanni kienu dak li l-kontenut ta’ dak fi żmien Ġesu kienu jsejħulu l-evangelion.  L-evangelion kienet is-sejħa qabel ma jiġi jew l-imperatur jew VIP jew ambaxxatur. “Ħejju t-triq tal-Mulej iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”. Għax kien hemm bżonn propju jħejju t-triq fiżikament u dik kienet tissejjah l-evangelion – it-tħabbira li ġej l-imperatur, jew ir-re, jew l-ambaxxatur. Għalina l-Insara saret il-kelma għax il-kelma tal-aħbar it-tajba li ġej il-Mulej. Ejja hawnhekk, “ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

    Kif se nagħmlu? Mhiex kwistjoni fiżika tat-toroq, imma fil-qalb tagħna, din il-qalb li lesta li tilqa’ lill-Mulej li ġej f’dan l-Avvent. Jalla ma nitbeżżgħux mill-Mulej li ġej bil-midra f’idu, imma nilqgħuh bħala l-Mulej tal-ħniena. Kristu sar qaddej.

    Ilkoll kemm aħna infaħħru lil Alla minħabba l-ħniena tiegħu. Għażiż Arċipriet, jalla kull min jiltaqa’ miegħek, mat-tbissima ta’ qalbek, jiltaqa’ ma’ Kristu li sar qaddej minħabba il-ħniena ta’ Alla.

     Charles J. Scicluna     
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Parroċċa Mosta