Wara li tħabbret il-mewt ta’ Mons. Philip Calleja, fl-età ta’ 93 sena, li ddedika ħajtu għall-emigranti u r-refuġjati, Newsbook.com.mt tkellem maż-żewġ suċċessuri tiegħu b’rabta mat-tmexxija ta’ Kummissjoni Migranti.

Mons. Alfred Vella, li kien sar Direttur tal-Kummissjoni fl-2003, wara Mons. Calleja, qal li hu se jibqa’ jiftakru bħala “persuna perseveranti li tgħin akkost ta’ kollox, anke jekk se jidher antipatku.” Qal li huma ħadmu tajjeb flimkien għal madwar 18-il sena meta Mons. Calleja baqa’ jagħti sehmu minkejja li kien spiċċa t-terminu tiegħu. Mons. Vella qal li f’dawk is-snin hu tgħallem ħafna mill-esperjenza ta’ Mons. Calleja fil-migrazzjoni. Mistoqsi kienx hemm xi frażi li kien jgħidlu illi baqgħet miegħu hu qalilna, “Aħna naraw li nagħmlu l-ġid biss u d-deni nħalluh.”

Mons. Vella ddeskriva lil Mons. Calleja bħala bniedem determinat għax kien lest li, “jagħti ħajtu għall-kawża ġusta u għall-ġustizzja biex lil dawn in-nies jagħtihom id-dinjità u l-ħajja aħjar li kien jixirqilhom wara li jkunu ħarbu xi ċirkostanza diffiċli bħal gwerra.”

Żied jgħid li Dun Philip, kif kien magħruf jew aħjar il-Mons kif kien isejjaħlu kulħadd, kien jirrikonoxxi li f’Malta m’hawnx biżżejjed riżorsi għal kulħadd għaldaqstant ma kien jiddejjaq xejn isaqqaf wiċċu biex l-immigranti jsibu refuġju f’xi pajjiż iehor li jista’ joffrilhom aktar opportunitajiet. Semma bħala eżempju okkażjoni li fiha kienu marru l-ambaxxata Amerikana biex jitolbu l-għajnuna tal-Amerikani, diskussjoni li tat ‘il frott għaliex matul is-snin l-Amerika aċċettat aktar minn 5,000 migrant.

Mons. Vella rrimarka li Mons. Calleja kien jagħmel ħafna karità mal-Maltin ukoll inkluż dawk li xtaqu jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra wara l-faqar li kien hawn f’pajjiżna wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Hu għamel ħafna ġid f’dan ir-rigward ukoll.

Id-Direttur preżenti tal-Kummissjoni Migranti Dun Anton d’Amato qal li f’dawn l-aħħar 70 sena Dun Philip ħadem ħafna mal-immigranti li fittxew futur aħjar u ħadem qatigħ b’risq persuni li fittxew l-ażil f’Malta tant li sejjaħlu pjunier f’din il-ħidma.

Il-Kummissjoni Migranti, fejn huwa ħadem għal snin twal bla waqfien, sellmet il-memorja ta’ Mons. Calleja filwaqt li rringrazzjat lil Alla għas-servizz u ż-żelu li dan is-saċerdot kellu f’ħidmitu, għal dawk il-persuni li kellhom jħallu djarhom. Mons. Calleja jgawdi diversi rikonoxximenti internazzjonali u lokali għall-impenn tiegħu f’dan il-qasam.

Fl-intervista sħiħa tista’ tisma’ aktar dwar ħidmet Mons. Calleja kif ukoll anedottu ħelu li fih Mons. Calleja kien ġie servut ħuta meta hu l-ħut ma kienx iħobbu!

Agħfas hawn biex tara l-intervisti.

Sors: Newsbook Malta