-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali, il-Furjana
15 ta’ April 2018Il-kelma ‘hieni’ u ‘mbierek’ li Ġesù jtenni fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, din il-kelma ‘ħieni’ issir sinonimu ta’ qaddis għax dik il-persuna fidila lejn Alla u li tgħix il-Kelma tiegħu, tilħaq fl-għotja tagħha nfisha l-veru ferħ.
Aħna l-Maltin meta nirreferu għall-Prinċep, għall-Protos tal-gżira li laqa’ lill-Appostlu Missierna, nirreferu għalih bħala San Publiju. Il-qdusija ta’ dan il-protos ma tiġix biss mix-xhieda tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli li għadna kemm smajna, imma wkoll minn tradizzjoni antika u qawwija. Mhux ta’ b’xejn l-antifona għażiża ta’ din il-parroċċa arċipretali li ssejjaħlu ‘iben dehen ta’ Malta’ għaliex il-kultura tagħna tifhem li l-iben dehen ta’ Malta huwa ħabib tal-Mulej. L-iben dehen ta’ Malta jgħix il-Kelma ta’ Alla u bl-għotja tiegħu nnifsu jilħaq il-veru ferħ.
Il-kelma ‘hieni’ li l-Mulej itenni diversi drabi, tintroduċina kategoriji ta’-nies li l-Papa Franġisku jsemmi fl-Eżortazzjoni Appostolika li ġiet imħabbra propju t-Tnejn li għadda biex tferraħ ukoll il-qalb tad-dinja Kattolika tagħna l-Malitn, imma wkoll ta’ din il-parroċċa li kienet diġà mżejna għall-festa tal-lum. Din l-Eżortazzjoni Appostolika hi dwar il-qdusija li tieħu wkoll is-silta mill-Evanġelju li qara l-Kanonku Arċipriet: “Ifirħu u thennew għax ħlaskom kbir fis-smewwiet” (Mt 5, 12).
Fit-tielet kapitlu tal-Eżortazzjoni Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew), il-Papa jieħu dan l-Evanġelju li għadna kemm smajna u jispjegalna xi tfisser l-hena li tissarraf fil-qdusija. Din is-sena, imdawwal bil-kelma tal-Papa Franġisku, ippermettuli naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi dwar il-qdusija ta’ San Publiju bħala Nisrani li mill-qalb twajba tiegħu u mħeġġeġ bl-eżempju ta’ Pawlu, l-Appostlu Missierna, tgħallem l-hena tal-barkiet tal-Mulej: tgħallem l-hena u l-qdusija tal-beatitudnijiet.
“Henjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet” (v. 3). Dan il-faqar fl-ispirtu jinġabar fit-talba li biha bdejna din l-Ewkaristija solenni, fit-talba ta’ San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla jiena għandi bżonnok’. Talba oħra ta’ San Ġorġ Preca: ‘Grazzi Sinjur Alla u ahfirli Sinjur Alla’. Dawn il-kunċetti ta’ gratitudni lejn Alla, ta’ ndiema imma fl-istess ħin li aħna nitolbu l-maħfra lill-Mulej, din l-ammissjoni li aħna għandna bżonnu, huma l-qofol tal-faqar spiritwali.
“Il-ġid,” jgħid il-Papa, “ma jagħtik ebda ċertezza. Anzi, ġaldarba naħsbu li aħna għonja, nistgħu nsiru tant mimlija bina nfusna li ma nħallux spazju għall-Kelma ta’ Alla, għall-imħabba tal-aħwa, u lanqas biex ingawdu l-iżjed affarijiet importanti fil-ħajja. B’dan il-mod qed niċċaħdu mill-akbar ġid. Huwa għalhekk li Ġesù jsejjaħ hienja lil dawk il-foqra fl-ispirtu, dawk li għandhom qalb fqajra, għax hemmhekk il-Mulej jista’ jidħol bil-ġid dejjiemi tiegħu.” (Gaudete et Exsultate, par. 68). Il-qaddisin jgħallmuk li jekk aħna nimlew qalbna bil-ġid tal-art biss ma nħallux spazju għal Alla biex jidħol bl-imħabba u bil-maħfra tiegħu.
Li nkunu foqra fil-qalb tagħna: din hi l-qdusija
San Luqa ma tkellimx biss fuq il-faqar fl-ispirtu bħalma għamel San Mattew. Imma tkellem fuq li nkunu foqra. Hu jistedinna wkoll għal ħajja awstera, imneżża’ minn dak li hu żejjed. Hekk isejħilna naqsmu fil-ħajja ma’ dawk li huma l-iktar fil-bżonn; bħall-ħajja li għexu l-appostli u li tkun twaħħadna ma’ Ġesù. U San Publiju mhux hekk għamel?! Laqa’ għandu għal tlitt ijiem 276 ruħ. Inħobb nirrepetiha din. Ikollok tlieta minn nies għal tlitt ijiem f’ħin minnhom tegħja, aħseb u ara dak in-numru! Veru li l-oqsma li San Publiju kellu fin-naħa ta’ San Pawl Milqi — illum ngħidulu Burmarrad — huma oqsma kbar, arkeoloġikament enormi fl-estensjoni tagħhom, imma kien ġeneruż biżżejjed biex jilqagħhom għal tlitt ijiem. “Li nkunu foqra fil-qalb tagħna: din hi l-qdusija,” (Gaudete et Exsultate, par. 70) jgħid il-Papa Franġisku.
“Ħenjin dawk ta’ qalbhom ħelwa għax huma jkollhom wirt l-art” (Lq 4, 5). Il-Papa jgħid li: “Dawn huma kliem qawwija f’dinja fejn sa mill-bidu tagħha kienet post ta’ kunflitt, ta’ tilwim, ta’ ostilità, fejn aħna l-ħin kollu nikklassifikaw lill-oħrajn abbażi tal-ideat tagħhom, minħabba l-fehmiet tagħhom, id-drawwiet tagħhom u saħansitra l-mod ta’ kif jitkellmu u x’jilbsu. Fl-aħħar nett, din hi s-saltna tal-kburija u l-vanità, fejn kulħadd jaħseb li għandu l-jedd jerfa’ rasu fuq l-oħrajn … Ġesù jipproponi stil ieħor ta’ kif għandna nimxu: it-triq tal-ħlewwa. Dan hu dak li narawh jagħmel mad-dixxipli. Huwa dak li aħna nikkontemplaw fid-dħul tiegħu f’Ġerusalemm: “Ara s-sultan tiegħek ġej għandek ġwejjed, riekeb fuq ħmar” (Mt 21, 5; Żakk 9, 9) (Gaudete et Exsultate, par. 71).
Li nwieġbu bil-ħlewwa u bl-umlità: din hi l-qdusija.
Pawlu l-Appostlu Missierna, li minnu Publiju ħa t-tagħlim tal-ħajja, “jiddeskrivi l-ħlewwa bħala waħda waħda mill-frott tal-Ispirtu s-Santu. “Jipproponi li jekk xi darba jħasbuna l-għemejjel ħżiena ta’ ħutna, għandna nersqu lejhom biex inwiddbuhom imma ‘bl-ispirtu ta’ ħlewwa’.” U jfakkarna: “Oqgħodu attenti li ma tkunux imġarrba intom ukoll” (Gaudete et Exsultate, par. 73). “Il-ħlewwa,” jgħid il-Papa Franġisku, “hi espressjoni oħra tal-faqar ġewwieni ta’ min iqiegħed il-fiduċja tiegħu f’Alla biss … li nwieġbu bil-ħlewwa u bl-umlità: din hi l-qdusija.” (Gaudete et Exsultate, par. 74).
“Henjin l-imnikkta għax huma jkunu mfarrġa” (Lq 5, 4). Tistgħu timmaġinaw lil Publiju jilqa’ lil Pawlu u lil sħabu, imma fl-istess l-ħin ikollu jaħseb f’missieru. Il-laqgħa tiegħu ma’ Pawlu kienet ukoll laqgħa li meta għadda minnha, kien f’niket kbir ta’ min jaf li missieru qiegħed f’xifer il-mewt, marid bid-deni u d-dissenterija. U l-laqgħa ta’ Publiju ma’ Pawlu tagħtih il-faraġ. Hu li kien imnikket minħabba l-imħabba kbira li kellu għal missieru hu eżempju straordinajru ta’ rispett u ta’ mħabba!
“Id-dinja tridna nagħmlu bil-maqlub: id-divertiment, it-tgawdija, id-devjazzjoni u x-xalar jagħtu l-kwalità tal-ħajja. Il-bniedem tad-dinja jinjora l-problemi ta’ mard jew ta’ tbatija meta jinqalgħu fil-familja jew madwaru. Id-dinja ma għandha l-ebda xewqa li tibki; tippreferi tinjora s-sitwazzjonijiet ta’ tbatija, tgħattihom jew togħstorhom” (Gaudete et Exsultate, par. 75). Il-persuna li kapaċi tara l-affarijiet kif huma tassew u li tissimpatizza mat-tbatija u n-niket għandha l-ħila tilħaq il-profondità tal-ħajja u tkun ssib l-hena awtentika” (Gaudete et Exsultate, par. 76).
Li nagħrfu nibku mal-oħrajn: din hi l-qdusija.
Għalhekk din il-barka tal-Mulej tfakkarna li għalina mhijiex umiljanti li naffaċċjaw ir-realtajiet li huma ibsin fil-ħajja tagħna u madwarna. “Dik il-persuna tkun imfarrġa, mhux bil-faraġ tad-dinja imma bil-faraġ ta’ Ġesù. Persuni bħal dawn ma jibżgħux jaqsmu fit-tbatija ta’ ħaddieħor; ma jaħarbux minn sitwazzjonijiet ta’ tbatija. Huma jiskopru s-sens tal-ħajja billi jgħinu lil dawk li qed ibatu, u jifhmu l-uġigħ tagħhom u jġibulhom serħan. Li nagħrfu nibku mal-oħrajn: din hi l-qdusija (Gaudete et Exsultate, par. 76).
Li tfittxu l-ġustizzja, b’ġuħ u għatx, din hi l-qdusija.
“Hienja dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja għax huma jkunu mxebbgħin” (Mt 5, 6). “Il-ġuħ u l-għatx,” jgħid il-Papa Franġsiku, “huma esperjenzi qawwija ħafna għax jinvolvu l-ħtiġijiet primarji u l-istint ta’ għejxien tagħna.” Meta jiena għandi l-għatx, meta għandi l-ġuħ, fija hemm bżonn primittiv u fundametali. U l-Papa jispjega: “Hemm persuni li jixtiequ ġustizzja u jixxenqu għas-sewwa b’intensità simili. Ġesù jgħid li dawn ser ikunu mxebbgħin għax illum jew għada l-ġustizzja tasal. Aħna nistgħu nikkoperaw biex dan ikun possibbli, anke jekk mhux dejjem naraw il-frott tas-sagrifiċċji tagħna” (Gaudete et Exsultate, par. 77). “Il-ġuħ u l-għatx għal dak li huwa sewwa: din hi l-qdusija,” Li tfittxu l-ġustizzja, b’ġuħ u għatx, din hi l-qdusija,” jgħallimna l-Papa (Gaudete et Exsultate, par. 76).
U jiena nfakkar l-espressjoni li użaw il-Maltin meta raw lil Pawlu bil-lifgħa ma’ jdejh. “Il-ġustizzja,” qalu, “ma ħallitux jaħrab mit-tpattija ta’ xi ħaġa li għamel”. Qalu: “Dan żgur qattiel” (ara Atti 28, 4). U kellhom il-prinċipju li jekk toqtol, se tmut. Prinċipju primittiv ħafna imma l-prinċipju juri li inti tpatti ta’ dak li għamilt. Il-ġustizzja! Missirijietna kellhom dan l-istint tal-ġustizzja. U aħna bl-interċessjoni ta’ Publiju, nitolbu li jibqa’ jkollna l-għatx u l-ġuħ tal-ġustizzja “għax din hi l-qdusija”. Għalhekk lil Publiju ngħidulu San Publiju.
“Henjin dawk li jħennu għax huma jsibu ħniena” (Mt 5, 7). “Il-ħniena għandha żewġ aspetti,” jgħid il-Papa. “Tinvolvi li tagħti, tgħin u taqdi lill-oħrajn, u tinkludi l-maħfra u li tifhem. Mattew jiġbor dan f’regola tad-deheb: ‘Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom’ (Mt 7, 12).” Meta nagħtu minn dak li hu tagħna u naħfru lill-oħrajn inkunu nippruvaw nerġgħu nwettqu f’ħajjitna mera ċkejkna mill-perfezzjoni ta’ Alla li jqassam u jaħfer kotra bla tarf. Għalhekk fl-Evanġelju ta’ San Luqa ma nsibux ‘kunu perfetti’ imma “ħennu bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati, tikkundannawx u ma tkunux ikkundannati. aħfru u ssibu maħfra, agħtu u jingħatalkom” (Lq 6, 36-37).
Li naraw u nġibu ruħna bi ħniena: din hi l-qdusija.
Publiju lil Pawlu seta’ jwarrbu għax Pawlu ġie fostna bħala priġunier. Seta’ jgħidlu: ‘Lil sħabek orrajt imma lilek u l-priġunieri l-oħra le’. Imma laqgħu għandu, ma ġġuddikahx. U rċieva l-barka kbira mhux biss li jisma’ l-Kelma tal-Mulej minn fomm Pawlu, imma li jara l-qawwa ta’ Ġesù fil-fejqan ta’ missieru, fil-fejqan tal-morda kollha tal-gżira. Il-qalb ta’ ħniena li wera Publiju kienet ta’ barka għall-poplu Malti. “Li naraw u nġibu ruħna bi ħniena: din hi l-qdusija,” jgħid il-Papa Franġisku (Gaudete et Exsultate, par. 76).
“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom għax huma jaraw ’l Alla” (Mt 5, 8). “Din il-Beatitudni,” jgħid il-Papa Franġsiku, “tirreferi għal min għandu qalb sempliċi, safja u bla tidnisa, għax qalb li taf tħobb ma tħalli xejn li jista’ jagħmel ħsara, idgħajjef jew ipoġġi fil-periklu dik l-imħabba” (Gaudete et Exsultate, par. 78). Hu minnu li m’hemmx imħabba imma mingħajr għemejjel ta’ mħabba, imma din il-beatitudni tfakkarna li l-Mulej jistenna li l-għotja tagħna għal ħutna tkun tnixxi mill-qalb. “‘U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid (1Kor 13, 3)” (Gaudete et Exsultate, par. 85), jgħallimna l-istess Appostlu Missierna.
Mela l-qalb tħobb lil Alla u lil proxxmu meta din hi l-intenzjoni vera tagħna, mhux tpaċpiċ fil-vojt, allura l-qalb tagħna hi safja u tista’ tara ’l Alla. Aħna nħobbu nfaħħru lil Publiju għall-qalb safja tiegħu. L-Appostlu Missierna tah xrara mill-imħabba ta’ Ġesù u l-poeta nazzjonali Dun Karm kien iħobb isemmi lil Publiju bħala dak il-ħaruf safi, ġwejjed, “tal-art ħelwa li tatna isimha” (Innu Malti).
“Henjin dawk li jġibu l-paċi għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5, 9). “Din il-Beatitudni,” jgħidilna l-Papa Franġisku, “iġġegħelna naħsbu fl-għadd ta’ sitwazzjonijiet ta’ gwerra fid-dinja tagħna. Madanakollu ħafna drabi nkunu kawża ta’ kunflitt jew tal-inqas ta’ nuqqas ta’ ftehim. Eżempju, jien nista’ nisma’ xi ħaġa fuq xi ħadd u mmur nirrepetiha. Jista’ jkun li t-tieni darba nkompli nżewwaqha u nibqa’ nxerridha … u aktar ma tagħmel ħsara, donnu iktar ikolli sodisfazzjon. Id-dinja tat-tqassis, fejn jgħixu nies negattivi u moħħhom biex jeqirdu, ma ġġibx paċi. Nies bħal dawn huma għedewwa tal-paċi; u bl-ebda mod mhuma ‘hienja’ (Gaudete et Exsultate, par. 87).
Li niżirgħu l-paċi madwarna: din hija l-qdusija.
“Dawk li jġibu l-paċi verament ‘isaltnu’ l-paċi; jibnu l-paċi u l-ħbiberija fis-soċjetà. Lil dawk li jħabirku biex jiżirgħu l-paċi kullimkien Ġesù jagħmlilhom wegħda tal-għaġeb: ‘Huma jissejħu wlied Alla’ (Mt 5, 9)” (Gaudete et Exsultate, par. 88).
“Mhux ħaġa ħafifa,” jgħid il-Papa Franġsiku, “li ‘nibnu’ din il-paċi tal-Evanġelju, li ma teskludi lil ħadd lanqas lil dawk li huma daqxejn strambi, li jaqilgħu l-inkwiet jew huma diffiċli, eżiġenti, differenti, imsawta mill-ħajja jew sempliċiment mhux interessati. Hi biċċa xoħgol iebsa; titlob moħħ u qalb miftuħa tassew … Li niżirgħu l-paċi madwarna: din hija l-qdusija” (Gaudete et Exsultate, par. 89).
Li ta’ kuljum naċċettaw it-triq tal-Evanġelju, minkejja l-problemi li tista’ toħloqilna: din hi l-qdusija.
“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet” (Mt 5, 10). “Ġesù nnifsu,” jgħid il-Papa Franġisku, “iwiddibna li t-triq li qed jipproponielna tmur kontra l-kurrent, sal-punt li tagħmilna persuni li nisfidaw lis-soċjetà għall-mod ta’ kif ngħixu, b’riżultat, li nsiru inkonvenjenti. Hu jfakkarna kemm nies ġew, u għadhom, ippersegwitati sempliċiment għax issieltu għall-ġustizzja, għax jieħdu bis-serjetà l-impenn tagħhom ma’ Alla u mal-oħrajn” (Gaudete et Exsultate, par. 90). U għalhekk aħna, bir-raġun, lil San Publiju nqimuh ukoll bħala martri, bħala xhud ta’ min iħobb lil Alla u ma jibżax jixhed għall-impenn li ħa fil-magħmudija.
Is-salib, minkejja t-taħbit u t-tiġrib li ngħaddu minnhom biex nistgħu ngħixu l-kmandament tal-imħabba u l-mixja tal-ġustizzja, huwa għajn ta’ maturazzjoni u ta’ tqaddis. M’għandniex niddejqu nkunu bħal Ġesù sinjal li jmeruna. Il-Papa jgħidilna li dak it-taħbit u t-tixwix kontrik jippurifikak, jumiljak imma wkoll jimmaturak u jqaddsek (ara Gaudete et Exsultate, par. 92). Li ta’ kuljum naċċettaw it-triq tal-Evanġelju, minkejja l-problemi li tista’ toħloqilna: din hi l-qdusija” (Gaudete et Exsultate, par. 94).
Illum aħna rridu nitolbu l-interċessjoni ta’ San Publiju biex aħna l-Maltin nilqgħu l-barkiet li qed iħabbrilna Ġesù; li nilqgħu l-barkiet li qed jagħtina l-Papa f’riflessjoni profonda fuq il-qdusija. Jekk aħna llum bir-raġun nagħmlu festa kbira għal Publiju, il-Prinċep ta’ Malta li bir-raġun nsejħulu San Publiju, ejjew nifhmu li l-qdusija ta’ dan il-kbir patrun tagħna hija frott il-barkiet li jlissen Ġesù. Mhux iċ-ċapċip tad-dinja u l-barkiet illużorji li jingannaw ta’ din id-dinja mqarqa, imma l-barkiet tal-Mulej, li fdiena b’demmu u rxoxta. Bir-raġun nitolbuk, O Publiju, tħares lejna, tberikna, tbierek il-poplu tagħna u b’mod speċjali lill-Furjaniżi kollha.
Viva San Publiju!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: IS 58, 6-11
Salm: 15, 1-2.5. 7-8. 11
Qari II: Atti 28,1-10
Evanġelju: Mt 5, 1-12
-
-
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace