Photo by Heru Vision

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Id-domanda li għamel Ġwanni l-Battista hija domanda importanti għalina lkoll f’dan iż-żmien tal-Avvent: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11,3) Id-domanda ta’ Ġwanni hija: Isma’, inti l-Messija ta’ vera jew? U Ġesù, fir-risposta tiegħu, jirreferi għal dak li semgħu u raw: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu” (Mt 11,4-5). Fi kliem ieħor, donnu biex jiġbor kollox, Ġesù jgħid: “l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11,5). 

Dan il-kliem, Ġesù mhux biss jirreferi għas-sinjali li kien qiegħed jagħmel bil-qawwa tal-Mulej u tal-Ispirtu, imma nifhmu wkoll, aħna u naqraw il-profezija ta’ Isaija li smajna fl-Ewwel Qari, li kien qed jikkonferma, li fih, fl-għemil tiegħu, fil-kliem tiegħu, kienet isseħħ il-profezija tal-istennija ta’ Iżrael. “Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Iz-zopp jaqbeż bħall-għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ”. Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej, u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ” (Is 35,5-6a,10). Isaija kien qed jagħti sinjal ta’ tama lill-poplu, u Ġesù, bir-riferiment għal dak li qed jagħmel, imma wkoll ninnutaw kemm jaqbel mal-profezija ta’ Isaija, qed jikkonferma: dak li qed nagħmel Jien huwa ta’ tama għall-poplu. Irid iġib il-ferħ lill-poplu għażiż ta’ Alla. Nistgħu ngħidu li fil-ħidma ta’ Ġesù, l-Aħbar it-Tajba tixxandar lill-foqra. U meta dawn iż-żewġ dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista jirritornaw għand il-Battista bir-risposta ta’ Ġesù, l-aħħar kelma ta’ Ġesù hi: “Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” (Mt 11,6)

Ġesù jkellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ?” (Mt 11,7). Bniedem pinnur? Aħna ngħidulu bniedem pinnur, idur ma’ kull riħ. Jew inkella siġra samma li tiflaħ għar-riħ, ix-xita u l-elementi. “Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin?” (Mt 11,8). Donnu qiegħed jgħid, raġel medhi bil-frugħa tal-ħajja. “Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek’” (Mt 11,9-10). Ġwanni huwa dak li jħejji t-triq, għalhekk huwa ‘Prekursur’. Huwa dak li jgħammed lill-Mulej, u għalhekk ngħidulu ‘l-Battista’. Imma titlu ieħor ta’ Ġwanni, it-tifel ta’ Zakkarija u Eliżabetta, huwa: ‘il-Prekursur’, dak li jħabbar, li jgħaddi qabel iħabbar il-miġja tal-Mulej. 

Ġesù jagħti tifħir lil Ġwanni: “Fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista” (Mt 11,11). Imma Ġesù jitkellem ukoll dwar id-dinjità tagħna ż-żgħar, li aħna wlied is-Saltna tas-Smewwiet: “L-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu” (Mt 11,11). Kliem ta’ misteru kbir, misterjuż, għax aħna nagħrfu kemm aħna midinbin, kemm m’aħniex denji. Ġwanni l-Battista, dan il-Profeta, li mhux biss kien bniedem ta’ prinċipju, ma kienx qasba tixxejjer mar-riħ, imma li wkoll ta ħajtu għall-prinċipji.

Din il-parroċċa, aħna u niċċelebraw il-125 sena tat-twaqqif tagħha, f’dan iż-żmien tal-Avvent tajjeb li nieqfu ftit ukoll fuq figura oħra ta’ dan iż-żmien għażiż: fuq San Ġużepp. Smajnieha l-Antifona sabiħa, li mbagħad aħna nirrepetu fil-festi ta’ San Ġużepp, l-istedina tal-Anġlu lil Ġużeppi biex ma jibżax jieħu, jilqa’ lil Marija b’martu. Ma jibżax. “Noli timere accipere Mariam coniugem tuam” (Mt 1,20), bħala l-għarusa tiegħek, il-mara tiegħek. Dan huwa ż-żmien tal-Avvent, fejn aħna wkoll nilqgħu l-istedina li kienet mogħtija lil Ġużeppi, biex ma nibżgħux nilqgħu lil Marija; għax Marija mhux ġejja weħidha. F’dan iż-żmien tal-Avvent, Marija qiegħda ġġorr lil Binha Ġesù. Tibżax! Kif jista’ jkun li tarbija fil-ġuf tweġġa’, jew tinkwieta, jew tbeżża’ lil xi ħadd. Hemm misteri kbar tal-moħħ tal-bniedem, hemm misteri kbar tal-ansjetà tal-bniedem; imma nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġużepp biex aħna jkollna l-kuraġġ nilqgħu u mhux inwarrbu.

Il-parroċċa mwaqqfa mill-predeċessur tiegħi, l-Isqof Pace, kienet mill-ewwel taħt il-patroċinju ta’ San Ġużepp. Jiena nitlob l-interċessjoni ta’ San Ġużepp, mhux biss fuq din il-parroċċa, imma fuq pajjiżna, biex aħna nkunu bħal San Ġużepp, li meta nduna li l-għarusa tiegħu kienet tqila, ma kkundannahiex għat-tħaġġir, bħalma l-liġi kienet tagħtih il-permess; imma biex isalva lilha u lit-tarbija, “għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1,19). Il-Mulej intervjena u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija” (Mt 1,20). 

Il-Papa Franġisku jinsisti fid-dokument sabiħ – nispera li huwa dokument għażiż għal Kalkariżi kollha – id-dokument dwar San Ġużepp, l-ittra dwar San Ġużepp: ‘Bil-qalb ta’ missier’. Jgħid: “Alla, biex isalva lil Ibnu minn tant sitwazzjonijiet ta’ periklu, ma qagħadx jintervjeni b’ħafna mirakli u affarijiet straordinarji, għażel lil Ġużeppi”. Ġużeppi kellu jħabbel rasu, jinkwieta. Kellu l-inkoraġġament ta’ Alla, it-twissijiet tal-Mulej; imma daqshekk biss. Mur l-Eġittu, tmurx il-Lhudija; imma kif u come, f’idejk. Dan huwa wkoll sinjal ta’ responsabbiltà tagħna f’sitwazzjonijiet diffiċli, li jitolbu minna kuraġġ kbir. Ma nistgħux inkunu nies bħal qasba tixxejjer mar-riħ. Irridu nieħdu r-responsabbiltajiet tagħna. Kulħadd jieħu r-responsabbiltà tiegħu, skont l-irwol tiegħu. Għax Alla, biex imexxi l-pjan tal-ġid tiegħu għall-umanità, mhux se jintervjeni bis-sajjetti, mhux Zeus, jew bil-mirakli, imma permezz tagħna u tal-kuxjenza tagħna. Nitolbu li din il-komunità tikber dejjem f’dan l-għarfien tal-qawwa u tal-protezzjoni ta’ San Ġużepp, tal-eżempju straordinarju ta’ San Ġużepp. 

F’dan l-istaġun sabiħ tal-Avvent, li llum fih qegħdin nagħmlu waqfa ta’ ferħ, allura qegħdin nieħdu naqra break mill-kulur vjola, u nirritornaw għall-kulur ta’ ferħ li aħna ngħidulu r-roża, għax huwa kulur il-warda, mhux għax kellna xi baby girl ilbieraħ. Imma l-kulur roża jfakkarna li l-Avvent huwa stennija mimlija tama, mimlija ferħ. Fil-fatt, anke l-Kappillan ħa ħsieb li llum tinxtegħel ix-xemgħa r-roża. Dawn l-erba’ xemgħat tal-Avvent, hawnhekk fil-girlanda, fuq il-presbiterju, illum tinxtegħel ix-xemgħa r-roża. Il-Liturġija tfakkarna proprju li l-istennija tagħna hija mimlija ferħ. Kemm huma ta’ faraġ, u nieqaf b’dan il-ħsieb, il-kelmiet tal-profezija ta’ Isaija: “Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej, u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ, b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom. Il-ferħ u l-hena jiksbu, u jgħibu s-swied il-qalb u l-krib” (Is 35,10).

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddies
Qari I: Sir 48:1-4,9-11
Salm: 79 (80):2aċ u 3b,15-16,18-19
L-Evanġelju: Mt 17:10-13