• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina

    24 ta’ Diċembru 2017

    F’dawk l-inħawi kien hemm xi ragħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl u dehrilhom anġlu tal-Mulej. Il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, tweldilkom Salvatur” (Lq 2, 10).

    Ħadd ma jagħti tort lil dan il-grupp ta’ ragħajja li, għassa mal-merħla tagħhom billejl, jidrilhom anġlu tal-Mulej u tiddi madwarhom il-glorja tal-Mulej. Ir-reazzjoni tagħhom hija reazzjoni ta’ biża’. “U qabadhom biża’” (v. 9). Fl-iskrittura, meta l-bniedem jiltaqa’ mad-Divin, il-biża’ tkun l-ewwel reazzjoni instintiva. Tant hu hekk li f’din ir-reazzjoni hemm diġà distanza bejn il-bniedem u Alla u ħafna drabi l-preżenza tal-Mulej tqanqal fina l-bnedmin, il-konsapevolezza tal-indenjità tagħna.    

    Ħalli nfakkarkom x’ġara. Nagħmlu ftit fast forward, prattikament 30 sena wara din il-ġrajja. Meta Ġesù jiltaqa’ ma’ Xmun Pietru iltaqa’ miegħu, skont l-Evanġelju ta’ San Luqa f’burdata ħażina għax kien għamel lejl jistad u ma qabad xejn. U Ġesù jgħidlu: “Inti kala x-xbiek”. U dana jgħidlu: “La qed tgħidli, nobdik”. U qabad ħafna ħut. U l-Evanġelju ta’ San Luqa fil-kapitlu 5 jkompli: “Xmun Pietru kif ra dan, dik il-qabda ħut li ma kienx qed jippretrendiha ta’ sajjied espert, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb” (ara Lq5, 4-8). Għax baqgħu tassew mistagħġba kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun ‘tibżax, tibżax, minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies’ (v. 10).       

    Ir-ragħajja kellhom l-istess esperjenza fit-twelid ta’ Ġesù, kellhom kuntatt mad-Divin, kellhom kuntatt mal-Mulej u qabadhom biża’ kbir. Imma jirċievu l-istess stedina li kellu jirċievi Pietru mingħand Ġesù stess 30 sena wara. “Tibżgħux”.

    Il-kelma ‘la tibżax’ hija d-deċiżjoni ta’ Ġesù li jkun magħna, li jkun wieħed minna.

    Hekk ukoll kien ġralu missier Ġwanni l-Battista meta deherlu l-anġlu Gabrijel u qallu li se jkollu tifel: “Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet” (Lq 1, 13). Hekk ukoll ġralha Marija meta l-istess anġlu Gabrijel qalilha bil-proposta tal-Mulej li tkun l-omm ta’ Ġesù. “Tibżax, Marija għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù” (v. 31).    

    Din il-biża’ tal-umanità mhijiex xi ħaġa negattiva. Tant hu hekk li l-Madonna stess, meta żżur lil Eliżabetta, fl-innu tagħha li aħna nafuh bħala l-Magnificat tgħid: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (v. 50).  Imma l-Mulej ma jixtieqx li jitbiegħed minna. Ma jobdix lil Pietru, lanqas lilna meta konxji li aħna midinbin u fl-għanja ta’ Indrì Schembri ngħidulu: “Ħallih għalina l-biki għax aħna l-midinbin” (Innu: Ninni la tibkix iżjed). Hu ma jgħidilniex ‘għandkon raġun’ imma jgħidilna ‘tibżgħux’. Dik il-kelma ‘la tibżax’ hija d-deċiżjoni ta’ Ġesù li jkun magħna, li jkun Għimmanu-El, li jkun wieħed minna. Veru li jkun wieħed minna f’kollox barra d-dnub imma aħna, li aħna midinbin u li ngħidulu ‘tbiegħed minna’, din il-ħaġa ma jaċċettahiex. Il-volontà soda tal-Mulej, ir-rieda qawwija tiegħu, hija li jkun magħna, li jħenn għalina, li jiġi biex jifdina. Wara kollox, aħna wkoll, bħar-ragħajja, inħossuna ’l bogħod minn Alla, imma Alla jipprova jimla dan l-abbiss billi jsir wieħed minna u din hija l-festa kbira li ġabitna hawn illum.

    Ġralhom l-istess is-sajjieda ta’ Kafarnahum meta rawh sabiħ u glorjuż fit-trasfigurazzjoni. “La tibżgħux” (Mt 17, 7) jgħidilhom Ġesù għaliex, għalkemm rawh fil-glorja tiegħu, għad iridu jarawh ukoll fuq is-salib. “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn” (Lq 12, 32). Kemm huma sbieħ dawn il-kelmiet ta’ Ġesù fil-kapitlu 12 ta’ San Luqa. “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn”.                

    Illum l-istedina li għamlilna l-Mulej biex ma nibżgħux, tisfidana biex niftħu qalbna ’l xulxin, biex niftħu qalbna għalih. Wara kollox, ma nistgħux niftħu qalbna għal Alla mingħajr ma niftħu qalbna għall-proxxmu, mingħajr ma niftħu qalbna għal xulxin, aħna min aħna, aħna ta’ liema kulur aħna, kemm tal-ġilda u kemm kuluri oħrajn. Il-Mulej, meta jħares lejna, ma jwaħħal l-ebda tikketta, ma jwaħħal l-ebda label; aħna nwaħħlu l-labels fuq xulxin. Kulħadd għandu kollezzjoni ta’ labels li waħħallu l-proxxmu ma dahru. Kultant aħjar ma tinżax il-ġlekk biex ma taqrahomx.     

    Lesti noffrulu maxtura lill-Mulej f’dan il-Milied?

    Imma l-Mulej, meta jħares lejna, jieħu grazzja magħna kif aħna u jipprova jistedinna biex nintrefgħu. “Tibżgħxz għax arawni qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu […] U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2, 10.12). Dan huwa s-sinjal. Il-maxtura hija l-ambjent tal-akkoljenza, li laqa’ lil Ġesù.

    Aħna, biex nuża’ espressjoni tal-Papa Franġisku, lesti noffrulu maxtura lill-Mulej f’dan il-Milied? Il-maxtura hija l-post minn fejn jieklu l-annimali imma f’Isaija hija s-sinjal tal-fedeltà: “jgħarfu l-maxtura ta’ sidhom” jgħid fl-ewwel kapitlu. U qed jirreferi għall-għoġol u l-ħmar u għalhekk qegħdin fil-presepu. Aħna Betlehem ma nafux eżattament x’kien hemm imma la kien hemm maxtura, xi ħadd jiekol kien hemm żgur. U Isaija jsemmi l-għoġol u l-ħmar li jagħrfu l-maxtura ta’ sidhom imma Israel le, ma jridx (Is 1, 3).        

    Aħna rridu nkunu ma’ dawk li jagħrfu l-maxtura ta’ sidhom, irridu nkunu fidili lejn din l-istedina biex ma nibżgħux mit-toqol tal-ħajja u minn dak kollu li nġorru fina, fostna, individwalment u bħala soċjetà. Il-Mulej illum qed jinsisti magħna: ‘tibżgħux’. Aħna forsi nkunu ttentati ngħidulu ‘tbiegħed minna, ħallina kwieti. Toqgħodx tindaħal iżżejjed’.

    “La tibżax, la tibżax”. O Mulej, agħtina l-grazzja biex ma nibżgħux, agħtina l-grazzja niftħu l-qalb tagħna għalik għax meta niftħuha għalik, niftħuha wkoll għal xulxin.

    A short word to our friends. You have had to bear up with so much Maltese this evening, I hope you understand my English. One of the beautiful words in today’s gospel from the narrative of the birth of Jesus is the appearance of the Lord’s glory and the angel of the Lord to the shepherds at night. They are caring for the flock and they see an extraordinary light, an angel talks to them. They are afraid and this fear is the fear of humanity before the Divine. But the invitation is a very urgent one: “Do not be afraid”. The Lord wants to be among us, one of us and this is the narrative that makes Christmas so special. We do not need to be afraid, the Lord accepts us as we are and invites us to accept him because when we open our hearts to him, when we are not afraid to open our hearts to him, we open our hearts to our brothers.

    I would like to say thank you again for all you have done in the Mediterranean, saving so many lives in that blue desert which for so many is a cemetery, but for you and for people like you at least it becomes a place of rescue. So thank you because you have met so many versions of Jesus at sea and you have done your duty and we are all grateful for that. So again, a very happy Christmas and thank you.

     Charles J. Scicluna                                                          

         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja