L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna hemm kelma għażiża, li ma nisimgħux darba biss imma almenu darbtejn. L-Anġlu Gabrijel, li ismu jfisser il-qawwa t’Alla, iżur lil xebba rżina, sempliċi, umli ġo belt moħbija, anzi ta’ fama ma tantx tajba – Nazaret. U jsellmilha u jgħidilha “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28). Jagħtiha isem ġdid. Hi kien jisimha Marija għal oħt Mosè. L-isem Mariam ifisser ‘qatra fl-oċean’ jew ‘kewkba tal-baħar’. Imma hu jagħtiha isem ġdid – ‘mimlija bil-grazzja’ u jinsisti magħha li sabet grazzja quddiem Alla. Xi tfisser din il-grazzja? Il-milja tal-imħabba t’Alla. U nistgħu ngħidu li fil-festa li qed niċċelebraw illum, it-tnissil ta’ din ix-xebba Marija minn ommha u missierha, Anna u Ġwakkin, huwa prova li l-imħabba t’Alla mhix limitata miż-żmien. Meta Alla fl-imħabba tiegħu u fil-grazzja tiegħu jaħfrilna dnubietna jkun qed jidħol fil-passat tagħna u jsalvah.
Fil-każ t’ommu, l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħu, rat minn qabel il-merti tal-mewt u l-qawmien ta’ binha u permezz ta’ dik il-qawwa kbira ta’ mħabba, ta’ binha li tana ħajtu sal-aħħar qatra ta’ demmu, lil ommu ħarisha, lilna jeħlisna minn dnubietna, lil ommu ħarisha mid-dnub, u kif jgħidilna l-Appostlu Missierna San Pawl, is-sejħa tagħha ssir is-sejħa ta’ kull wieħed u waħda minna. Għax hi li hi bla tebgħa quddiemu fl-imħabba qed tkun sinjal għalina biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba. Aħna wkoll nistgħu ngħixu bla tebgħa jekk kontinwament inħarsu l-grazzja, lejn l-imħabba t’Alla bħala s-sies tal-vokazzjoni u tal-ħajja tagħna.

Għeżież, intom u tgħidu ‘iva’ għal din il-proposta li tkomplu fil-mixja għas-saċerdozju, itolbu l-interċessjoni ta’ Marija biex l-‘iva’ tagħha tkun eżempju għalikom tul ħajjitkom kollha. Qisu li tkunu safja fl-imħabba. Dak kollu li tagħmlu, agħmluh dejjem bi mħabba, bi mħabba ta’ għotja, bi mħabba diżinteressata. Aħna llum nifirħu bi mħabba bit-tnissil ta’ omm Ġesù. Nifirħu bil-qawwa tal-ħniena tiegħu. Hi stess tgħid il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien għax il-konċepiment immakulat tal-omm, it-tnissil tagħha bla tebgħa, hi l-ħniena tiegħu li tinfirex f’kull żmien.
Ejjew nitolbu l-interċessjoni tagħha, biex kull wieħed u waħda minna, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu jew tagħha, ngħixu bla tebgħa fl-imħabba.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 3:9-15,20
Salm: 97:1-4
Qari II: Efes 1:3-6,11-12
L-Evanġelju: Lq 1:26-38





