-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
L-għoti tas-Sagramenti, Istitut Helen Keller, il-Qrendi
24 ta’ Mejju 2017
L-ewwel nett nixtieq nifraħ lil kull min se jirċievi s-Sagrament tal-Magħmudija, min se jirċievi l-Griżma tal-Isqof u lil min se jirċievi lil Ġesù għall-ewwel darba fil-qalb tiegħu.
Kelma lill-kbar: tistaqsuni,“fir-ruħ ta’ dawn uliedna, x’se jseħħ?” Iseħħ dak li jrid il-Mulej, il-qawwa tal-Mulej tidħol fir-ruħ ta’ wliedkom. Imma aħna din il-ħaġa ma narawhiex, aħna naraw maskra imma r-ruħ hija f’idejn il-Mulej. Il-Mulej iqaddes, il-Mulej jagħmel ir-ruħ sabiħa u l-Mulej iqaddisna. Tgħiduli “aħna għandna xi tagħlima x’nitgħallmu?”. Iva, għandna, għaliex dan l-isforz li qegħdin nagħmlu huwa att ta’ fidi pura għax inti ma tara xejn, inti trid biss temmen fil-qawwa ta’ Alla.
Bħalma nagħmel dejjem kull meta niltaqa’ magħkom, għeżież ġenituri u qraba, ngħidilkom grazzi ta’ dak kollu li tagħmlu għal uliedkom, għal dawn iż-żgħażagħ tagħna. Jiena mhu se nagħmel l-ebda diska fuq it-tbatija li hemm, għax l-ebda kelma tiegħi mhi se tnaqqas it-tbatija. Il-kelma tiegħi trid tkun kelma ta’ sapport u ngħidlkom ukoll kelma ta’ ammirazzjoni.
Aħna rridu nagħmlu statement lil din l-iskola, li aħna nemmnu fid-dinjità ta’ kull bniedem vera u tassew, hu min hu. Il-kejl tal-bniedem ġej mill-fatt li huwa ħolqien ta’ Alla. U għalhekk dan huwa statement importanti u qawwi, attwali. Intom tafu li hemm barra hemm nies li hawnhekk jixtiequ ma jħarsux lejh jew li saħansitra ma jeżistix. Imma aħna qegħdin hawn biex ngħidu li uliedna għandhom dinjità u jixirqilhom l-aħjar possibbli f’dawn iċ-ċirkostanzi. U l-Isqof qiegħed hawn biex lil uliedkom jagħtihom is-sagramenti kollha li jieħdu żgħażagħ oħrajn. Tgħiduli “Dawn x’se jifhmu?”. Ma nafx, m’għandix risposta għal din it-tweġiba imma nħallu lil Alla jaħdem fejn aħna ma nafux.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja
-
Agħfas hawn biex tara r-ritratti ta’ din iċ-ċelebrazzjoni f’Helen Keller Resource Institute.