Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-ittra li smajna lill-Galatin, Pawlu juża din l-espressjoni: Dak li darba ppersegwitana issa qed iħabbar il-liġi li darba hu ried jeqred. (ara Gal:1:23) U min qal hekk, jgħid, San Pawl faħħar lil Alla minħabba fija.

Aħna ltqajna biex nagħmlu l-istess. Iltqajna biex infaħħru lil Alla minħabba San Pawl. ‘Huma faħħru lil Alla minħabba fija.’ (Gal: 1:24) Infaħħru lil Alla għaliex il-ħarsa ta’ ħniena li xeħet fuq l-Appostlu Missierna San Pawl tana eżempju li huwa ta’ kuraġġ u ta’ tama. Dak li kien meqjus persekutur akkanit li jrid il-mewt ta’ ħutna l-insara jsir Appostlu mibgħut f’isem Ġesù. Ġesù stess jindikalu d-dnub tiegħu: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” “Min int Mulej?”  “Jiena Ġesù dak li qiegħed tippersegwita.” (Atti:9:4-5)  Għaliex Ġesù  kien  iqis magħmul lilu dak li kien isir minn Pawlu mal-insara. “Dak li tagħmlu mal-iżgħar fost ħuti għamiltuh miegħi”(Mt 25,40).

Min jaf kemm baqa’ jiftakarha din l-espressjoni San Pawl u għalhekk tana t-tagħim sabiħ li aħna parti mill-ġisem ta’ Ġesù. Imma hu l-ewwel wieħed li jistqarr dnubu u li b’umiltà  kbira jfakkarna li l-proċess tal-konverżjoni tiegħu ma kienx faċli u lanqas  ma kien mument ta’ darba. Din hija tagħlima għalina. Aħna nifirħu fil-konverżjoni ta’ San Pawl, ejjew nitolbu l-grazzja li aħna nersqu lejn Ġesù  lejn il-qalb tiegħu, il-mod kif jaħseb, il-mod kif jgħix. Pass pass. Ma naqtgħux qalbna.

Tkun ħaġa sabiħa, li minkejja d-dgħufija tagħna u d-dnub tagħna nikbru fl-umiltà  u li min jara l-effett tal-ħajja ta’ Ġesù fina jkun jista’ wkoll ifaħħar lil Alla minħabba fina.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta