Il‑kappillani tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta rriflettew fuq it‑tema ‘Knisja li tilqa’, Knisja inklussiva’, waqt il‑live‑in annwali. Huma ddiskutew kif bħala saċerdoti jista’ jkollhom attitudni pastorali li dejjem tilqa’ lill‑persuni ta’ madwarhom billi jkunu inklussivi fi kliemhom, fl‑atteġġjament tagħhom u fid‑deċiżjonijiet li jieħdu, kemm mal‑persuni li huma midħla tal‑Knisja u anke dawk li mhumiex. ‘Knisja li tilqa’ hi t‑tieni tema tad‑dokument ta’ tiġdid ekkleżjali tal‑Arċidjoċesi Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed.
L‑ewwel jum tal‑live‑in li sar fis‑Seminarju tal‑Arċisqof beda b’messaġġ mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna li tkellem dwar l‑isfond bibliku tal‑kelma ‘tilqa’. Hu appella lis‑saċerdoti biex ma jżommux lura milli jilqgħu lill‑persuni kollha, kif għamel Ġesù.
Matul dawn it‑tlitt ijiem ta’ riflessjoni u diskussjoni, diversi kelliema u esperti għenu lill‑kappillani jifhmu kif is‑saċerdot jista’ jilqa’ persuni oħra u l‑ideat differenti tagħhom. Il‑kappillani kellhom ukoll iċ‑ċans jitkellmu dwar l‑aspetti amministrattivi u maniġerjali li jiltaqgħu magħhom kuljum fil‑parroċċa. Kellhom ukoll ħin għal attivitajiet inqas formali (team building) sabiex ikunu jistgħu jsaħħu aktar ir‑relazzjoni ta’ ħbiberija ta’ bejniethom.
Suġġett ieħor li l‑kappillani rreflettew dwaru kien il‑qasam tal‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ. Huma ddiskutew dan il‑qasam flimkien mal‑membri tal‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) u ngħataw preżentazzjoni minn DISCERN dwar riċerka li turi xejriet fost iż‑żgħażagħ dwar l‑irwol tagħhom fil‑komunità, il‑politika, il‑mużika, il‑fidi u l‑volontarjat.
L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi għalaq il‑live‑in billi semma kif bħala Knisja lkoll mistiedna ngħixu flimkien is‑Sinodu tal‑Isqfijiet li se jsir fl‑2023. Qal li bħala Nsara m’aħniex imsejħa biex inkunu magħluqa fina nfusna iżda li noħorġu u nibnu djalogu mal‑persuni ta’ madwarna.
Il‑live‑in ġie organizzat mill‑Kunsill tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani bejn l‑24 u s‑26 ta’ Mejju 2022.