Dr Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta, qal li resident minn San Blas li kien qed jagħti servizz f’ikla tal-Milied, kien qallu kważi bid-dmugħ f’għajnejh “Grazzi talli tajtuna din l-opportunità li nservu. Inħossni mimli minn ġewwa”. Dan fost residenti li kienu qed jagħmlu programm waqt li qegħdin il-ħabs.

Waqt li kien qed jitkellem fuq il-programm Il-Papa Ljun XIV preżentat minn Luke Vella, Gatt kompla jgħid li fost ir-residenti li kienu qed jagħtu servizz, “il-kelma komuni hija l-ferħ”, u li dak hu l-ispirtu tal-Milied – li fost din it-tbatija umana, hemm ukoll dan il-wens tas-solidarjetà.

Gatt stqarr li l-bniedem jiġġudika u jitfa’ tort fuq persuni li jinqabdu f’dipendenza, “sakemm forsi jisimgħu l-istorja tal-bniedem, tkun fil-familja tagħhom jew xi ħadd qrib tagħhom, jew iżuru l-Caritas”.

“Aħna nisseparaw il-bniedem mill-azzjoni. L-azzjoni tista’ tiġġudikaha; li hu ħażin ma nistgħux ngħidulu tajjeb, imma ma jfissirx li tarmi ’l-bniedem. Kollha fl-istess baħar qegħdin. Ħadd mhu perfett”

Anthony Gatt

Gatt ikkwota lil Dun Victor Grech – pijunier fil-qasam tad-droga, li kien qal “Ma tistax tħobb lil Alla jekk ma tħobbx il-bniedem, u ma tistax tħobb lill-bniedem jekk ma tħobbx lil Alla”.

“Biex tħobb il-bniedem verament u tara d-dinjità tiegħu trid tipprova tħobbu bl-għajnejn ta’ Alla bla ġudizzju; imħabba infinita”

Anthony Gatt

“Meta r-residenti jiltaqgħu mal-imħabba, jiltaqgħu mal-ħsara li għamlu u jsibu fejqan” – Anthony Gatt

Il-Papiet ta’ dawn l-aħħar snin dejjem tkellmu fuq l-esperjenza tal-laqgħa. B’rabta ma’ dan, Gatt fisser kif meta nies fiċ-ċentri jiltaqgħu ma’ din l-imħabba u l-għajnuna, u jibdew jagħrfu lilhom infushom ta’ li huma, jiltaqgħu wkoll mal-ħsara li jkunu għamlu lilhom infushom u lil ta’ madwarhom. Dan iġib uġigħ u rimors qawwi, iżda dan ħafna drabi jkun parti mill-fejqan tagħhom.

Il-Caritas tgħinhom biex flok ikissru lilhom infushom, dan l-uġigħ iqanqalhom biex ikunu bnedmin aħjar, u jagħrfu li huma maħbubin minkejja mġiba negattiva.

“Aħna l-falliment niċċelebrawh. Għax il-falliment ifisser okkażjoni biex nagħraf li Alla jħobbni xorta avolja nħossni fallut”.

Anthony Gatt

Gatt kompla jispjega li l-ħsara kollha li nkunu għamilna jew ġarrabna ma tnaqqas xejn mill-imħabba ta’ Alla lejna, li Vella stqarr li hija propju spjega tal-Għid il-Kbir.

“Iktar ma nikber, iktar qed nagħraf kemm l-iskop veru tal-ħajja hu li tgħix l-imħabba”

Meta ġie mistoqsi fuq kif nistgħu ngħinu lil xulxin biex inkunu soċjetà u familja aħjar, Gatt fisser kif sab l-iskop tal-ħajja fl-imħabba – “Iktar ma nikber, iktar qed nagħraf kemm l-iskop veru tal-ħajja u l-kuntentizza veru ġejja milli tgħix l-esperjenza tal-imħabba. U din l-esperjenza li meta tkun fil-għawġ, issib min jilqgħek u jgħinek, u li inti wkoll tgħin lil ħaddieħor. Allura iktar ma ngħixu f’dak l-ispazju, naħseb iktar inkunu qed ngħixu f’Alla u iktar inkunu kuntenti”.

Gatt spjega kif il-kelma ‘caritas’ ġejja mil-Latin li tfisser ‘imħabba f’azzjoni’, u ġie diskuss kif l-imħabba tidher fil-konkret, li tixhidha wkoll l-Ewkaristija.

Fuq il-ħidma tal-Caritas

Dun Victor Grech kien għaraf il-bżonnijiet ta’ żgħażagħ li kienu talbuh l-għajnuna, u ried jgħinhom. Dan sarraf f’firxa ta’ servizzi li komplew jikbru, b’seba’ ċentri f’Malta b’rabta mar-riabilitazzjoni tad droga.

Iżda l-Caritas – preżenza u għaqda fil-Knisja li tinsab fid-dinja kollha, taqdi wkoll bżonnijiet oħra fil-qasam soċjali, fosthom b’rabta ma’ separazzjoni, użura, gambling, faqar, u homelessness, dejjem skont il-bżonnijiet tal-pajjiż. Il-missjoni hija dejjem l-eradikazzjoni tal-faqar, il-ġustizzja soċjali, u l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem.

Familja tagħti propjetà lill-Caritas biex din tintuża sakemm persuni jsibu saqajhom

Caritas Malta ngħatat propjetà minn familja li qed tiġi żviluppata f’appartamenti żgħar għal akkomodazzjoni temporanja biex persuni li jkunu lestew fażi residenzjali u m’għandhomx fejn joqogħdu jew ikun aħjar jekk ma jmorrux fejn kienu joqogħdu qabel, ikunu jistgħu joqogħdu hemm għal sitt xhur li jistgħu jiġu estiżi sa massimu sentejn. Dan sakemm persuna ssib saqajha u tintegra lura fis-soċjetà.

Kien hemm persuna li ġiet offruta dar biex sadanittant iġġemma’ għal propjetà tagħha.

B’rabta ma’ dan, Gatt qal li l-appoġġ biex persuna terġa’ tikseb l-indipendenza tagħha – li stqarr li fiha “dinjità kbira”, jixhed il-valuri tat-tagħlim soċjali tal-Knisja li jmexxu dak li jagħmlu, fosthom is-solidarjetà u s-sussidjarjetà – empowerment.

Gatt ikkwota lil Papa Franġisku li f’konferenza tal-Caritas kien qal “Ħarsu ’l isfel lejn bniedem biss biex tgħinuh jintrefa’ l fuq”.

L-ikla tal-Milied tal-Caritas

L-ikla tal-Milied tal-Caritas fil-Kurja għal min m’għandux mezz biex jagħmel ikla dinjituża jew jinsab waħdu, waslet għall-għaxar darba tagħha. Din is-sena kien hemm rekord ta’ 600 persuna.

Gatt iltaqa’ ma’ diversi nies, inkluż fl-aħħar ikla, li qalulu li kienu qed itellgħu u jniżżlu jmorrux iżda ċemplu malli bdew jisimgħu kemm jiġu nies u malli raw li mhux waħedhom – “In-nies qed jagħmlu iktar kuraġġ”.

Gatt irrikonoxxa t-tbatija ta’ meta tkun qed tbati waħdek – “It-tbatija tiħrax. Li takkumpanja f’mument diffiċli, tnaqqas ħafna minn dak l-uġigħ”.

“Ma tiġihomx f’moħħhom li jistiednu l-ġenituri tagħhom jingħaqdu magħhom”

B’rabta mas-solitudni, issemmiet ukoll ir-realtà ta’ anzjani bit-tfal barra minn Malta, li mitulhom l-għeżież tagħhom, jew bi nkwiet fil-familja.

Vella stqarr li meta jitkellem ma’ anzjani fil-parroċċi, dawn jgħidulu li kulħadd bil-familja tiegħu u li ma jħossux li għandhom jistiednu ruħhom b’idejhom għand uliedhom – “Qed juru kif uliedhom ma tiġihomx f’moħħhom li jistiednu l-ġenituri tagħhom jingħaqdu magħhom”

Tul il-programm issemmew inizjattivi oħra li seħħew fil-Milied fosthom tas-soup kitchen, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ li fetaħ sala fil-parroċċa għal 40 persuna, Tal-Ħawli fil-Birgu, u Il-Kċina ta’ Marta għal nies li ma jistgħux joħorgu minn djarhom, li qassmu madwar 350 ikla lil 120 indirizz, permezz ta’ 220 voluntier.

F’laqgħa mar-residenti lejlet il-Milied, Gatt kien spjegalhom il-Milied billi qal “Timmaġina jiġi xi ħadd u biex inti ssalva, jagħtik it-tifel tiegħu?”

Gatt qal li jekk din nifhmuha, naraw il-valur tal-bniedem kemm hu enormi li hemm xi ħadd lest li jagħti t-tifel tiegħu għalik.

“Il-fidi jekk ma tiġix trasmessa f’att konkret ma tistax tasal”

Luke Vella

Il-Papa Ljun XIV jixxandar fuq RTK103 kull nhar ta’ Ħamis mis-6.30pm sas-6.50pm, u kull nhar ta’ Sibt mis-6.30pm sas-7pm.

Wieħed jista’ jisma’ l-programmi kollha hawnhekk.

Propju jumejn oħra f’din il-ġimgħa ekumenika li qed tiċċelebra l-Knisja, Mons. Hector Scerri se jerġa’ jkun fuq il-programm Il-Papa Ljun XIV, hekk kif il-programm tal-Ħamis li ġej se jitratta kif il-Papa qed jikkontribwixxi għad-djalogu ekumeniku minkejja li ilu ftit inqas minn sena bħala Papa.

Nitolbu li ħajjitna dejjem tikkonkretizza l-imħabba u li tkun sensiela waħda ta’ azzjonijiet ta’ mħabba.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesca Gauci