-
-
Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Konferenza ‘Soċjetà Ġusta Għal Żminijietna’
13 ta’ Mejju 2017
Insellem lil kull min qiegħed jieħu sehem f’din il‑konferenza mnedija mis‑Segretarjat Assistenza Soċjali tal‑Azzjoni Kattolika Maltija, bit‑tema importanti u essenzjali ‘Soċjetà Ġusta Għal Żminijietna’.
Id‑domanda li b’mod naturali wieħed jagħmel lill‑Isqof hi kif il‑Knisja tista’ tikkontribwixxi biex uliedha jaħdmu għal soċjetà ġusta. L‑ewwel nett żgur billi tkun xhieda qawwija u awtentika tal‑kliem tal‑Evanġelju. Fid‑diskors programmatiku tiegħu fis‑sinagoga ta’ Nazaret, Ġesù kkwota l‑profezija ta’ Isaija u nieda sena tal-grazzja li ġabet ħelsien lill‑imjassrin, id‑dawl lill‑għomja u b’hekk saret kelma ta’ ħelsien veru u ta’ ġustizzja soċjali (ara Lq 4, 18-19).
Il‑profeti, meta kienu jitkellmu fuq is‑sawm, kienu jinsistu li s‑sawm ma kellux ikun okkażjoni biex il‑bniedem ibati b’mod sadiku, imma kien pjuttost stedina biex wieħed jeżerċita u japplika l‑prinċipji tal‑ġustizzja soċjali: li lill‑ħaddiema tagħtihom ħlashom f’waqtu, li inti tgħin lil min hu batut u li tagħmel ġustizzja ma’ kulħadd mingħajr ma tħares lejn l‑uċuħ. Il‑profeti jgħidu “Mhux dan hu s‑sawm li rrid?” Dan huwa li se jiggarantixxi mhux biss li aħna jkollna l‑ġustizzja bejnietna imma li fil‑kliem tal‑Kotba Mqaddsa, il‑glorja tal‑Mulej timxi warajna.
Il‑Knisja hija sagrament, jiġifieri sinjal li jidher, imma wkoll li jagħmel dak li jwiegħed, mhux biss ta’ għaqda bejn il‑bnedmin, imma wkoll sinjal tal‑verità li tagħmel il‑ġustizzja bejn il‑bnedmin. Wara kollox, il‑ġustizzja tfisser ukoll li dak li jkun jieħu dak li hu tiegħu bi dritt, jieħu wkoll li ħaqqu. U għalhekk, meta fis‑soċjetà jinbtu l‑veleni tal‑korruzzjoni, il‑velenu tal‑gidba, il‑bnedmin mhux biss titnaqqsilhom mid‑dinjità tagħhom u tar‑relazzjoni ta’ bejniethom, imma wkoll jidħol velenu li minflok iwassal għall‑ġustizzja jwassal għal kunflitti soċjali.
Il‑politika trid tkun l‑arti tal‑imħabba li taħseb fil‑ġid komuni. Mhux ta’ b’xejn li l‑Papa Franġisku, fl‑Eżortazzjoni Appostolika tiegħu, Il‑Ferħ tal‑Evanġelju (Evangelii Gaudium), jgħid li l‑politika, meta mħaddma kif imiss minn dak li jkun, hija espressjoni tassew għolja tal‑karità, tal‑imħabba lejn il‑proxxmu, għaliex qed taħdem favur il‑ġid komuni.
Li l‑politika taħdem għall‑interessi tal‑ftit huwa kontro‑politika, huwa l‑antipolitika. Il‑ġustizzja soċjali titlob li min jiggverna jħares il‑prinċipji importanti tal‑verità, tal‑ġid komuni u anke f’dak li hu protezzjoni tal‑ambjent, jirrifletti u mbagħad jimplimenta s‑sentiment qawwi li l‑bniedem, hu u jkattar l‑isbuħija ta’ madwaru, qiegħed jiggarantixxi għalih innifsu, għal uliedu u għal ulied uliedu wkoll, ambjent li jgħin il‑kwalità tal‑ħajja tiegħu.
Jiena nitlob u nawgura lill‑movimenti Kattoliċi fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta, biex waqt li jkomplu jirsistu f’attivitajiet ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ tifħir lil Alla u anke ta’ ritwali, jaħdmu wkoll biex fostna jkun hawn sentiment qawwi ta’ ġustizzja soċjali li joħloq l‑ambjent fejn il‑politiċi tagħna jkollhom il‑libertà minn kull tentazzjoni ta’ favoritiżmu, ta’ klijenteliżmu, u jkollhom il‑libertà jaħdmu għall‑ġid komuni mingħajr ma’ jħarsu lejn wiċċ ħadd.
Nawgura wkoll is‑suċċess ta’ din il‑konferenza li għandha messaġġ attwali ħafna, u jalla dak li għedna bejnietna f’dan il‑jum u li se nkomplu nwettqu fil‑jiem li ġejjin, ikun tassew għall‑ġid komuni ta’ pajjiżna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta