L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir” (Lq 14:14). Dan hu li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Luqa, meta jsemmi l-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, li huma nies li jekk int tistedinhom għal ikla, mhumiex se jkunu jistgħu jistednuk huma mbagħad minħabba s-sitwazzjoni tagħhom.
Hawn Ġesù jgħid lill-kap tal-Fariżej li kien stiednu biex meta jorganizza xi ħaġa, jaħseb ukoll f’dawn in-nies u ma jagħmilhiex bi skop li tkun pjaċir bi pjaċir. Li qed jgħid Ġesù kien messaġġ qawwi ħafna għall-kap tal-Fariżej, għan-nies fi żmienu, imma wkoll għalina. Għalhekk qed jgħid xi ħaġa li lilna tiswielna ħafna fil-ħajja tagħna.
X’qed jgħid Ġesù hawnhekk? L-ewwel nett, li fir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn, aħna noħorġu minn mentalità ta’ pjaċir bi pjaċir; jiġifieri, immorru ’l hinn minn dan: jien nagħmillek azzjoni tajba, xi ħaġa tajba, biex inti mbagħad tpattili b’xi ħaġa tajba. Hawn Ġesù mhux qed jitkellem fuq negozju, wisq inqas fuq negozju diżonest, jiġifieri li jien nagħtik xi ħaġa li mhux suppost, ma ħaqqekx, mhijiex tiegħek bi dritt, imma xi ħaġa minn taħt biex inti wkoll tagħtini xi ħaġa minn taħt u hekk ftehimna – pjaċir bi pjaċir. Dik hija xi ħaġa ovvjament ħażina għax hija diżonesta. Imma hawn qed jitkellem fuq xi ħaġa li mhijiex bilfors ħażina, tista’ tkun tajba; imma jridna li aħna dejjem aktar nitħarrġu fil-mentalità ta’ mħabba mingħajr kundizzjoni, ta’ ġenerożità. Għalhekk mhux jien nagħmillek xi ħaġa ta’ ġid biex inti tpattili b’xi ħaġa ta’ ġid, b’dak l-iskop. Imma mmorru lil hinn, inkunu ġenerużi, u fil-ġenerożità stess aħna nsibu l-ferħ tagħna.
X’qed jgħid aktar Ġesù? Qed jgħidilna biex aħna naħsbu f’dawk in-nies li huma fil-bżonn. Hawn isemmi l-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja; seta’ semma anke nies oħra Ġesù. Qed jgħid: aħseb f’dawk in-nies li huma fil-bżonn, u jekk forsi ma tiftakarx fihom għax dawn normalment ma jmissux il-ħajja tiegħek – hawn min qatt ma jiltaqa’ ma’ xi wħud minn dawn – imma aħseb fihom u ara x’tista’ tagħmel għall-ġid tagħhom. Meta Ġesù jsemmi lill-ħbieb tagħna, lil ħutna, lil qrabatna, mhuwiex qed jgħid li lil dawn ma nistmawhomx, lin-nies ta’ ġewwa; anzi dejjem qalilna li għandna nibdew minn dawk li huma qrib tagħna. Imma qed jgħid biex aħna nwessgħu lil qalbna biex ninkludu wkoll nies li huma b’xi mod jew ieħor fil-bżonn, jew li huma mwarrba fis-soċjetà, jew għandhom bżonn l-għajnuna, biex aħna naħsbu fihom, u mhux biss fit-talb tagħna – li hi ħaġa sabiħa – imma wkoll f’dak li nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom fis-sitwazzjoni tagħhom.
Ġesù jgħid ħaġa oħra li hi importanti wkoll. Jgħid, meta jitkellem fuq li mhux pjaċir bi pjaċir: il-pjaċir “iroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja” (Lq 14:14). Qed jgħid Ġesù li aħna, meta nkunu ġenerużi, qed nagħmlu xi ħaġa li biha nixbhu lill-Mulej li hu tant ġeneruż magħna. Huwa hu li jroddilna għall-ġenerożità tagħna. Meta aħna nagħmlu pjaċir bi pjaċir hawnhekk, se jroddilna xi ħaġa xi ħadd u tieqaf hawn. Imma dak li nagħmlu b’ġenerożità, speċjalment ma’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn, hemmhekk qed nagħmlu xi ħaġa li tibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Mhux investiment li jirrendi hawn, imma l-ikbar investiment għax jiswa għall-ħajja ta’ dejjem. Meta aħna niltaqgħu mal-Mulej meta jsejħilna għal għandu, dak li jiswa jkunu proprju kemm konna ġenerużi u b’qalb kbira, u għenna lil dawk fil-bżonn.
Nitolbu lill-Mulej bex jagħtina qalb tixbah lil tiegħu, imħabba mingħajr kundizzjoni li hi l-imħabba vera; biex aħna nkunu ġenerużi bħalma wriena u għallimna hu; u biex f’din il-ġenerożità tagħna nsibu tassew il-ferħ fil-ħajja tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju