Nhar il-Ħadd 16 ta’ Settembru 2012, żewġ xebbiet se jiġu kkonsagrati skont ir-rit tal-Ordo Virginum. Dawn huma Anna Galea minn Ħal Għaxaq u Kathleen Spiteri minn Birkirkara. Din hija l-ewwel darba f’Malta li se ssir din il-konsagrazzjoni. L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jmexxi din iċ-ċelebrazzjoni u jikkonsagra dawn ix-xebbiet fil-Katidral tal-Imdina, fis-6.00 p.m.

Il-Verġinità Konsagrata hija waħda mid-doni sbieħ u għolja li l-Mulej sawwab fuq l-Għarusa tiegħu il-Knisja. Sa minn żmien l-Appostli insibu nisa li sebbħu l-ġisem mistiku ta’ Kristu bid-dedikazzjoni ta’ ħajjithom lil Alla f’ħajja ta’ verġinità għas-Saltna tas-Smewwiet. Il-Missirijiet tal-Knisja jagħtu xhieda li l-Knisja, sa mill-bidu tagħha, żammet dejjem fl-ogħla ġieħ din is-sejħa partikulari fi ħdanha u wettqitha bid-drawwa li tilqa’ l-konsagrazzjoni tal-verġni b’barka solenni li matul iż-żmien ġiet żviluppata b’simboli ritwali li juru l-valur tal-ħajja verġinali bħala sinjal tal-Knisja Għarusa marbuta ma’ Kristu l-Għarus tagħha.

Il-Konċilju Vatikan II, fis-Sacrosanctum Concilium, nru. 80, stabilixxa li r-Rit Solenni tal-Konsagrazzjoni tal-Verġni għandu jiġi rivedut.  Għaldaqstant, nhar il-31 ta’ Mejju 1970, il-Kongregazzjoni tal-Liturġija ppubblikat dan ir-Rit għażiż għal-Liturġija Rumana.  Il-Liġi tal-Knisja wkoll, fil-Kodiċi tal-Liġi Kanonika tal-1983 (Kan. 604) tqis ukoll l-Ordni tal-Verġni bħala waħda mill-forom ta’ ħajja Konsagrata fil-Knisja.

Anna Galea u Kathleen Spiteri

Din il-ħajja hija ispirata mill-istil ta’ ħajja li għażlu għalihom l-Għarus tal-Knisja nnifsu, Sidna Ġesù Kristu, u l-Imqaddsa Marija dejjem Verġni. L-Ordni tal-Verġni jingħażel mill-Ordnijiet Reliġjużi u mill-Istituti Sekulari għax il-membri mhumiex marbuta b’regola fissa jew bi struttura ta’ ħajja komuni. Għaldaqstant, il-verġni kkonsagrata hija dik li bil-konsagrazzjoni tagħha lil Alla tingħata għal kollox lilu bħala għarusa ta’ Kristu fil-qadi tal-Knisja.

Fl-1 ta’ Settembru 2009, wara żmien ta’ dixxerniment, l-Arċisqof Pawlu Cremona ħareġ digriet bl-approvazzjoni tal-Linji-Gwida u l-Programm ta’ Formazzjoni għal dawk li jħossuhom imsejħa li jħaddnu din il-forma ta’ ħajja kkonsagrata. L-Arċisqof ħatar lil Patri Charlò Camilleri O.Carm. bħala Delegat tiegħu għall-Ordni tal-Verġni, li sal-lum qiegħed isegwi dan il-grupp ta’ xebbiet fid-dixxerniment tagħhom permezz ta’ laqgħat, seminars u rtiri ta’ formazzjoni.

Aktar informazzjoni dwar din l-Ordni tal-Verġni tinsab fuq is-sit www.ovmalta.org