Fl-aħħar jiem, Patri Charlò Camilleri u Patri Glen Attard ippublikaw żewġ kotba ġodda.

L-ewwel ktieb hu Monastikon bl-isem ta’ Vinea Carmeli: Carmelite Priories and their Churches in Malta (Horizons, 2020, 142 paġna). F’din il-pubblikazzjoni, iż-żewġ letturi fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, flimkien mas-Sinjura Rita Vella Brincat, alumna tal-istess Fakultà, jesploraw it-twaqqif tal-kunventi Karmelitani matul is-sekli, u t-teżori artistiċi li jinsabu fil-knejjes tagħhom. L-istudju riċerkat jiċċelebra 600 sena ta’ preżenza Karmelitana ġewwa Malta u hu mżewwaq b’ritratti kbar u sbieħ.

Fit-tieni pubblikazzjoni, Patri Glen Attard jesplora l-personalità u l-viżjoni ta’ Pavel Florenskij. Oriġinarjament ippreżentat bħala riċerka dottorali, il-ktieb Closest to the Heart: A Mystagogy of Spiritual Friendship in Pavel A. Florenskij’s ‘The Pillar and Ground of the Truth’ (Horizons, 2020, 652 paġna) jinterpreta x-xogħol tat-teologu Russu u jagħmel kontribuzzjonijiet ġodda fl-istudji Florenskjani, speċjalment fil-qasam tal-kristoloġija u l-ekkleżjoloġija.

Min jixtieq jakkwista kopji ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet, jista’ jikkuntattja lil Patri Glen Attard ([email protected]) jew Patri Charlò Camilleri ([email protected]).