L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm minjiera ta’ tagħlim f’din is-silta mill-Evanġelju skont San Mark. Għall-bidu taħseb li Ġesù qam b’burdata ħażina, waħda wara l-oħra! Imma meta tara fil-fond din is-silta, li qiegħda wara d-daħla messjanika ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, u issa li qed joqrob dejjem aktar lejn il-passjoni u l-mewt tiegħu, tara din it-tifsira kbira.

Speċjalment kif hemm ġo xulxin il-ġrajja ta’ Ġesù u s-siġra tat-tin – din il-ġrajja qiegħda maqsuma fi tnejn – u f’nofsha hemm il-ġrajja ta’ Ġesù fit-tempju. X’rabta hemm bejniethom? Donnu San Mark qed jindika li hemm rabta bejn dawn it-tnejn.

Ġesù x’għamel lis-siġra tat-tin? Mar ifittex il-frott fiha u sab weraq. U jgħidilha: “Qatt iżjed ma jkun hawn min jiekol frott minnek għal li ġej”; u s-siġra, kif naqraw aktar tard, nixfet. Daqshekk! X’jagħmel Ġesù fit-tempju? Meta jidħol fit-tempju u jara kull xorta ta’ negozju, Ġesù jkeċċi l-bejjiegħa u x-xerrejja, jaqleb l-imwejjed u s-siġġijiet, u jgħidilhom: dar it-talb din! Jikkwota lil Iżaija: “Dari dar it-talb tissejjaħ għall-popli kollha” (Iżaija 56:7). Imma intom għamiltuha – ma jgħidx biss post tan-negozju – “għar tal-ħallelin”. Għalhekk Ġesù ried, b’dak li jagħmel, jagħmel azzjoni drastika fejn qed jgħid: issa daqshekk! Fil-fatt, ftit wara din is-silta, f’San Mark stess, naqraw li Ġesu jħabbar it-tiġrif tat-tempju. Jgħid: “ma tibqax ġebla fuq oħra”. Mela s-siġra tat-tin nixfet, it-tempju ftit wara se jiġġarraf, għalhekk hemm din ir-rabta.

Fil-fatt, tolqtok ukoll li Ġesù, meta fittex it-tin fis-siġra, ra l-weraq, kienet kollha weraq. Kellha l-apparenza ta’ siġra bil-frott, imma meta mar fejnha, ma sabx frott. Hawn jgħid għaliex: “għax it-tin kien għadu mhuwiex żmienu”. Imma nnutaw: l-apparenza kellha minn barra ta’ siġra bil-frott. U t-tempju kellu apparenza ta’ dar ta’ talb, ta’ qima lil Alla, imma fil-fatt ma kienx post ta’ talb, kien post tan-negozju. Ġesù, li kellu jagħmel ftit wara bil-passjoni u l-mewt u tiegħu, kellu jġedded din ir-rabta ma’ Alla li mhjiex apparenza. Hija rabta intima ma’ Alla li tħalli l-frott, u l-frott f’kull staġun.

Hawnhekk jgħid Ġesù lid-dixxipli kif għandu jkun it-talb tagħhom: “Emmnu f’Alla”. It-talb hu r-rabta kbira ma’ Alla, għax Alla hu Alla ta’ kull staġun. U jgħidilhom: la titolbu għal wiċċ in-nies – din kien qalha qabel – biex tagħmlu xena quddiem in-nies, imma lanqas titolbu b’nofs qalb, tgħid: ‘ħa nitlob, forsi din il-ħaġa naqlagħha, forsi l-Mulej jismagħni’. “Emmnu f’Alla,” jgħidilna Ġesù. “Emmnu” tfisser li aħna jkollna din il-fiduċja sħiħa f’Alla, anke meta ma narawx. Kultant hemm din il-prova! Kultant, iva, nitolbu u ma narawx riżultat; nitolbu, u nitolbu ħafna, u qisna ma narawx. Ġesù qed jgħidilna: “Emmnu f’Alla” li jieħu ħsiebna, li jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Anke meta ma narawx, il-Mulej żgur jgħinna; kultant mhux għax jagħtina dak li aħna naħsbu li għandna bżonn, imma għax jagħtina dak li verament għandna bżonn.

Nitolbu lill-Mulej illum biex iġġedded fina dan l-ispirtu ta’ talb sinċier, għaqda sħiħa miegħu, għaqda kbira li fil-ħajja tagħna ġġib ħafna paċi u li tgħinna biex ħajjitna tagħmel il-frott.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju