
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ix-xena, nafuha tajjeb u f’dan il-post għandha sinifikat speċjali għax jekk tħarsu wara l-artal hemm l-iskultura straordinarja fl-irħam abjad sabiħ tal-Mazzuolo, il-magħmudija ta’ Ġesù minn Ġwanni l-Battista. Din hija l-festa divina li qed nagħmlu llum, il-festa proprju ta’ bejn iż-żewġ protagonisti f’dan il-katidral iddedikat lil San Ġwann il-Battista. Aħna ngħidulu l-Battista għax għammed lil Ġesù.
Ġwanni, it-tifel ta’ Żakkarija u Eliżabetta, li jgħammed lil Ġesù proprju kif jibda l-missjoni tiegħu l-Imgħallem tagħna. Ġwanni meta jara lil Ġesù jirrealizza min hu: “Mhux jien ngħammdek” (ara Mt 3:14) għax hu għarfu bħala l-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Imma Ġesù jinsisti. Għaliex jinsisti? Għaliex b’dan il-ġest li hu jinżel fl-ilma tax-Xmara Ġordan, irid jgħidilna li sar wieħed minna biex ikun magħna. Għadda mill-proċess ta’ ndiema li nieda Ġwanni l-Battista u ried jissieħeb magħna fil-proċess ta’ tisfija.
Intom u tippreparaw għat-tieġ u ż-żwieġ tagħkom, nitlob fuqkom li l-imħabba tagħkom tkompli tikber u tissaffa. Tikber għax hemm bżonn li tħobbu ħafna lil xulxin. Jekk mhux hekk, agħmluli pjaċir, tiżżewġux. Imma hi u tissaffa, nawguralkom li tilqgħu lil xulxin kif intom, ma tippretendux li l-maħbub/a tagħkom huma perfetti għax intom m’intomx perfetti. Itgħallmu minn issa ħudu paċenzja b’xulxin. Il-paċenzja mhux mill-għada tat-tieġ imma minn issa. U jekk matul il-ġurnata jkollkom xi tgħidu titfixklux. Importanti li qabel torqdu tagħmlu paċi. Tħalluhiex tibqa’ għaddejja qisha kankru ġol-istonku għaliex anke l-imsaren igergru, aħseb u ara aħna bejnietna.

Mela l-parir tiegħi għalikom huwa dak il-parir li San Ġorġ Preca ta lit-tabib tiegħu. Din smajtha mingħand it-tabib Spiteri stess. Inħobb nirrepetiha u jekk smajtuha allura ħudu paċenzja bija wkoll. Imma t-tabib ta’ Dun Ġorġ Preca mar fuqu, Dun Ġorġ kien xjaħ u t-tabib kien għadu żagħżugħ u qallu ‘Sinjur, ħa niżżewweġ. Tagħtini parir?’ Dun Ġorġ qallu, ‘Mela, le. Ħa ngħidlek x’tagħmel, dott. Mur id-dar fejn se tgħixu u fuq il-blata ta’ kull bieb ikteb tliet kelmiet: paċenzja, paċenzja, paċenzja.’ U Dr Spiteri qalli, ‘Father, kelli bżonnha, ta. Kelli bżonnha.’ Imma qalili wara li kien ilu għexieren ta’ snin jgħix ma’ martu l-għażiża.
Il-bejta li se tagħmlu hija tagħkom, la tal-kunjata u lanqas tal-kunjatu.
Il-paċenzja xi tfisser? L-ewwel nett titgħallem tieħu paċenzja bik innifsek. Imbagħad bl-imħabba ta’ ħajtek, bl-ulied li Alla jogħġbu jibagħtilkom u bil-familji tagħkom. Nispera li jħallukom bil-kwiet. Patti chiari, amicizia lunga. (Ftehim ċar, ħbiberija fit-tul.) Il-bejta li se tagħmlu hija tagħkom, la tal-kunjata u lanqas tal-kunjatu. Jekk qegħdin hawn insellmulhom. Importanti wkoll li tagħtu ħin għal xulxin.

Fil-messaġġ li tajt għall-Milied ta’ din is-sena, lill-poplu għażiż tagħna, għidtlu xi ħaġa li tgħodd għalija wkoll. Nużaw ħafna mezzi ta’ komunikazzjoni. Dan l-imbierek smartphone li għandna f’idejna. Il-ħin kollu nħarsu lejh. Inħarsu naqra lejn xulxin. Il-ħarsa tagħkom lejn xulxin trid tkun ta’ vera mhux virtwali. Jekk għandek bżonn tgħidilha xi ħaġa naqra iebsa stennija ftit ħa tħares lejn wiċċek mhux tibagħtilha messaġġ ivenven u dik titherra minn ġewwa għax ma fehmitx x’ridt tgħid jew hu ma fehemx x’riedet tgħid.
Il-fedeltà tagħkom lejn xulxin tridu takkwistawha u tiġġieldu għaliha kuljum: il-fedeltà fil-ħsieb, fil-kliem u fejn timxi l-qalb. U jalla wkoll l-Mulej ikun parti mill-ħajja tagħkom
Importanti wkoll, din hija kelma ta’ San Pawl Appostlu Missierna f’kull aspett, fl-aspett ta’ komunikazzjoni, tal-imħabba tagħkom anke tal-intimità tagħkom. Iċċaħdux lil xulxin minn xulxin. Intom il-vokazzjoni tagħkom tkun li tkunu għal xulxin u li din l-għaqda ta’ bejnietkom il-Mulej iberikha bil-frott ukoll skont ir-rieda tiegħu u l-ġenerożità tagħkom.

Ippruvaw, issa ormaj naħseb ibbukkjatu kollox, teżaġerawx fil-ħajja. Kollox bil-kalma. Kulħadd jimxi bil-pass tiegħu. Jiena ċkejken. Inutli ntellaq ma’ wieħed fih sitt piedi għax jgħaddini żgur. Nimxi bil-pass tiegħi. U allura tajjeb ukoll intom tifirħu b’xulxin mingħajr ma tħares lejn ix-xellug jew il-lemin. Itgħallem ifraħ b’dik il-persuna li trid tkun l-għaxqa ta’ ħajtek.
Illum il-Mulej isemma’ leħnu fuq ibnu u jgħid din il-kelma sabiħa li nawguralkom tkunu tistgħu tgħiduha fuq xulxin il-jiem kollha ta’ ħajjitkom. “Dan hu ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi” (Mt 17:5). U jalla intom u tħarsu lejn xulxin tkunu tistgħu tgħidu: ‘Fih/a sibt l-għaxqa ta’ ħajti.’ Il-Mulej jagħtikom ħafna paċi, ħafna sliem. Il-Mulej jiddefendikom fil-mumenti ibsin għax ma jonqsu qatt. Nidħaq bikom jekk ngħidilkom li l-ħajja faċli. Mhu veru xejn. Ser ikun hemm il-mumenti diffiċli. Imma ma naqtgħux qalbna.

Il-Mulej illum ifakkarna “Jiena dak li nsalvak, jiena dak li jiena miegħek” (ara Atti 10:38). Allura intom wkoll tridu ssalvaw lil xulxin bl-imħabba ta’ bejnietkom u billi tkunu preżenti għal xulxin. U meta tiġi t-tentazzjoni li l-borma tal-ġara tfuħ iżjed, għalaq imnifsejk mhux ixxomm iżjed. Għaliex il-fedeltà tagħkom lejn xulxin (għal kulħadd qed ngħid) tridu takkwistawha u tiġġieldu għaliha kuljum: il-fedeltà fil-ħsieb, fil-kliem u fejn timxi l-qalb. U jalla wkoll l-Mulej ikun parti mill-ħajja tagħkom.
L-aħħar ħsieb tiegħi u l-awgurju llum: illum ġejtu hawn, nirringrazzjakom tal-preżenza sabiħa tagħkom. Nawguralkom ukoll li tippreparaw tajjeb għaż-żwieġ Nisrani li għażiltu, anke bis-sagrament tal-qrar u t-tqarbina mqaddsa. Imma mbagħad qisu li l-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd tkun parti mir-ritmu ta’ ħajjitkom, li t-talba ċkejkna ta’ kuljum, imqar Sliema u Qaddisa flimkien, tkun parti mir-ritmu ta’ ħajjitkom, biex meta l-Mulej jberikkom bi wliedkom, ikollkom mhux biss imħabba umana x’tagħtuhom, imma fidi sabiħa li tagħmilhom parti mill-familja tal-Mulej.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 42:1-4,6-7
Salm: 28 (29):1a-2,3aċ-4,3b u 9b-10
Qari II: Atti 10:34-38
L-Evanġelju: Mt 3:13-17





