L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom” (Atti 1:9). Dan hu li naqraw fl-Atti tal-Appostli, l-ispjega ta’ din il-ġrajja ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema. Meta naraw ir-rakkont ta’ din il-ġrajja, u anke kultant pitturi li jġibu din il-ġrajja, qisu l-ewwel sensazzjoni li nħossu hija ta’ firda: Ġesù qiegħed mad-dixxipli, ikellimhom, jgħidilhom x’għandhom jagħmlu, u mbagħad jinfired minn magħhom, jitla’ ’l fuq u d-dixxipli jibqgħu jħarsu ’l fuq.
Imma, fil-fatt, aktar ma naqraw ’il quddiem l-Atti tal-Appostli stess, insibu li din il-firda kienet għal ftit mumenti. Meta niżel fihom l-Ispirtu s-Santu, id-dixxipli fehmu li Ġesù ma kienx infired minn magħhom, imma anzi kien magħhom preżenti b’qawwa ġdida, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu. Kien għalhekk li narawhom imbagħad jagħmlu proprju dak li qalilhom Ġesù li jmorru d-dinja kollha, ixandru l-Bxara t-Tajba, u jwasslu din l-Aħbar għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha.
Nixtieq li nistaqsu ftit: x’tgħidilna din il-ġrajja ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema lilna llum?
Fejn naslu
L-ewwel nett tfakkarna fejn irridu naslu. Aħna mexjin lejn is-sema pajjiżna. Il-mixja tagħna f’din il-ħajja trid teħodna f’dik id-direzzjoni: biex naslu fis-sema pajjiżna, u nidħlu fejn daħal qabilna hu – hija dik it-talba li għamilna proprju fil-bidu tal-quddiesa li aħna “naslu għal dik il-glorja li fiha daħal hu”; u nerġgħu ngħiduha f’talba oħra fil-quddiesa.
Għaliex hu importanti li niftakru dan? Għaliex meta nżommu f’moħħna u f’qalbna li d-destinazzjoni tagħna hija s-sema, u li aħna mexjin lil hemm, din tgħinna ħafna fil-ħajja tagħna. Tagħtina l-iskop kollu għalfejn qegħdin ngħixu; għax altru nafu li se naslu hemm, u altru naħsbu li wara s-snin ta’ ħajjitna, ma hemm xejn, jispiċċa kollox, hemm vojt u baħħ.
Meta nafu li aħna mexjin lejn is-sema pajjiżna, tgħinna għal ħajja llum. Tgħinna – din importanti ħafna – biex qalbna norbtuha ma’ dak li jibqa’ u li jwassalna hemm, mhux ma’ dak li jgħaddi. Għalhekk, meta nżommu f’moħħna u f’qalbna din il-viżjoni tas-sema, hija ta’ għajnuna kbira għall-ħajja tagħna, għax hawnhekk infittxu l-ferħ veru li jibqa’, mhux il-pjaċir li jgħaddi, l-imħabba vera mhux l-imħabba li tfisser dak li nħoss. U nużaw il-mezzi li jkollna, bħall-flus u l-ġid, mhux bħala għan fihom infushom, imma bħala mezz. Nużaw dak li jkollna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem. Għalhekk tgħinna ħafna li aħna niftakru li d-destinazzjoni tagħna hija s-sema pajjiżna, fejn daħal qabilna hu, u jurina dan proprju f’din il-festa tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema.
Kif ngħixu
Imbagħad hemm ħaġ’oħra importanti ħafna wkoll li turina din il-festa. Neħduha mill-kliem tal-Atti tal-Appostli stess, meta dawn il-ħdax kienu qed iħarsu lejn Ġesù li tela’ s-sema, u l-messaġġ li jirċievu huwa: issa tibqgħux tħarsu ’l fuq u daqshekk, imma għandkom missjoni x’tagħmlu hawn.
Din il-festa tfakkarna li filwaqt li qalbna u moħħna iridu jkunu fis-sema – id-destinazzjoni tagħna s-sema pajjiżna – imma niftakru li għandna missjoni hawn li tana l-Mulej, f’din id-dinja, kulfejn isejħilna l-Mulej, biex hawn ngħixu tassew dak li għallimna hu; biex hawn ngħinu lill-oħrajn ukoll, bħalma qal lill-ħdax biex jagħmlu “dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28:19), biex hawn inwettqu tassew dak li l-Mulej qed jitlob minna. Hawnhekk, fil-ħajja tal-lum.
Għalhekk, li nagħrfu nużaw tajjeb iż-żmien li tana hawn, u naħdmu tassew għal ħajja li tixraq lill-bniedem, għal soċjetà li verament tirrispetta l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Il-ħsieb tas-sema mhux biss ma jaljenaniex, imma anzi jimbuttana biex hawn nagħrfu kif ngħixu ż-żmien li tana l-Mulej bl-aħjar mod, u napprezzaw il-valur taż-żmien li jislifna l-Mulej.
Għalhekk, hawnhekk, nagħrfu kif ngħixu l-kelma tiegħu, nagħrfu kif nibnu komunità ta’ mħabba, kif jixtieq minna l-Mulej bħala dixxipli tiegħu – ta’ mħabba vera, qed ngħid, mhux ta’ xi “gżira ta’ mħabba” fejn l-imħabba tfisser sempliċiment li tfittex il-gost tiegħek, jew li ħaddieħor jarak, jiggustak, u li timpressjonah. Dik mhijiex l-imħabba li għallimna Ġesù. L-imħabba, ħafna drabi, hija l-imħabba fl-affarijiet iż-żgħar li ma jidhrux u ma jimpressjonawx imma li huma tassew atti ta’ mħabba kif għallimna Ġesù. B’dal-mod, inkunu qed nibdlu għall-aħjar il-ħajja tagħna u ta’ kull min b’xi mod jew ieħor niltaqgħu miegħu, u ta’ fejn inkunu. Nibdlu għall-aħjar u nagħmlu minn dan iż-żmien li tana l-Mulej żmien prezzjuż li ngħixuh tassew kif irid hu.
Magħna dejjem
Irridu niftakru wkoll dik l-aħħar sentenza li smajna fl-Evanġelju li tant tagħmlilna kuraġġ: “jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).
M’aħniex waħedna. Anke fil-mumenti tqal u ta’ tbatija tal-ħajja tagħna, anke meta nissieltu magħna nfusna kultant jew inkella fiċ-ċirkustanzi biex ngħixu sewwa, m’aħniex waħedna.
Għandna lill-Mulej magħna li jagħmlilna kuraġġ, li jgħinna biex dejjem niftakru fejn irridu naslu, imma wkoll kif nużaw iż-żmien li jagħtina b’mod li nkunu qegħdin nagħmlu l-aħjar, l-isbaħ u l-aqwa, għax qed nagħmlu r-rieda tiegħu.
Nitolbu lill-Mulej illum, fil-Festa sabiħa tat-Tlugħ tiegħu fis-Sema: għinna biex qatt ma ninsew fejn irridu naslu, fejn dħalt qabilna int, fis-sema pajjiżna; imma wkoll dejjem napprezzaw ir-responsabbiltajiet li għandna hawn, biex hawn ngħixu tassew l-Evanġelju, il-kelma tiegħek; u biex qatt ma ninsew, Mulej, li inti magħna dejjem, “sal-aħħar taż-żmien”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta