-
-
Hekk kif ninsabu fil-Ġimgħa Mqaddsa, l-Insara kollha huma mistiedena jattendu għall-Via Sacra Djoċesana, li ser issir għada l-Erbgħa, 28 ta’ Marzu 2018, lejlet it‑Tridu tal‑Għid, li matulu l‑Knisja Universali tfakkar il‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Il-Via Sacra, immexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, ser tibda fis-7:30pm minn ħdejn l‑istatwa ta’ Kristu Re (quddiem il‑lukanda Phoenicia) u tintemm quddiem il‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Triq ir-Repubblika, it-triq prinċipali li minnha ser tgħaddi l-Via Sacra, ser tkun armata bl-14-il stazzjon li juru t-triq tat-tbatija ta’ Ġesù Kristu.
Fl‑okkażjoni tas‑Sinodu tal‑Isqfijiet dwar iż‑Żgħażagħ imsejjaħ mill‑Papa Franġisku, li ser isir f’Ottubru li ġej fil‑Vatikan, l‑Arċisqof talab lil żgħażagħ minn gruppi differenti jħejju r‑riflessjonijiet tal‑Via Sacra.
Flimkien mal-Arċisqof Scicluna, imexxu din il-Via Sacra ser ikun hemm l-Arċisqof Emeritu, Mons. Pawlu Cremona, u l-Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi.