• Illum il-Knisja Kattolika qed tiċċelebra għall-ewwel darba t-tifkira ta’ Marija bħala “Omm il-Knisja”.

    Kien il-Papa Franġisku li f’Marzu li għadda ddeċieda li din il-festa għandha tiġi mfakkra t-Tnejn li jaħbat l-għada tal-Għid il-Ħamsin.

    Digriet tal-Kongrezzjoni Vatikana għall-Orazzjoni Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti juri li l-qima lejn Marija bħala Omm il-Knisja għandha għeruq antiki fit-tradizzjoni Kattolika, li twassal sa żmien Santu Wistin u San Ljun il-Kbir.

    It-titlu tal-Imqaddsa Marija Omm il-Knisja kellu l-bidu tiegħu meta minnha twieled Ġesù Kristu, ir-Ras tal-Knisja, u hija saret omm il-mifdijin kollha meta binha miet fuq is-salib.

    Il-Beatu Papa Pawlu VI ikkonferma t-titlu solenni ta’ ‘Marija Omm u Xbieha tal-Knisja’ fid-diskors li kien għamel lill-Isqfijiet fil-Konċilju Vatikan II fil-21 ta’ Novembru 1964 u qal li għandha “tingħata dan il-ġieħ billi tissejjaħ b’dan l-isem ħelu li anki llum jintuża mill-poplu Nisrani kollu”.

    Fis-sena 1975, fl-okkażjoni tas-Sena Mqaddsa tar-Rikonċiljazzjoni, il-Vatikan daħħal fil-Missal Ruman quddiesa speċjali, imsejħa “Quddiesa votiva”, f’unur il-Verġni Mqaddsa taħt it-titlu ta’  B. Mariæ Virginis, Ecclesiæ Matris, (Beata Marija Omm il-Knisja) u approva ukoll li dan it-titlu jiddaħħal f’diversi talbiet f’ġieħ Marija.