L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ħawwilha bid-dwieli”. Hekk naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew illum fuq dan is-sid tal-għalqa li ħawwel l-għalqa tiegħu bid-dwieli u fdaha f’idejn xi bdiewa. Fl-Iskrittura, it-tixbiha mal-għalqa tad-dwieli għandha tifsira kbira. Għaliex? Għax l-għalqa tad-dwieli kienet tfisser ħafna għan-nies fi żmien Ġesù, u anke qabel. Kienet xi ħaġa għażiża. Għalhekk meta qed jgħid li s-sid iqabbel l-għalqa tad-dwieli lil xi bdiewa, qed jitkellem fuq l-għożża ta’ Alla għall-poplu tiegħu. Għalih, il-poplu tiegħu kien għażiż.

Imma t-tweġiba tal-poplu ma kinitx l-istess. U nafu hawhekk, minn dil-parabbola li qal Ġesù, li jgħid li ma tawx il-frott. Din l-għalqa ma tatx il-frott. Mhux biss, imma lil dawk il-qaddejja li hu bagħat, b’xi mod jew ieħor daru kontrihom. Qed jgħid għall-profeti tul is-snin, dawk li hu bagħat biex iwasslu l-kelma tiegħu. Imbagħad bagħat lil ibnu stess – Ġesù  qed iħabbar x’se jiġri, li jispiċċaw joqtluh. Hekk ġabu ruħhom dawn in-nies, dan il-poplu ma’ Alla, li avolja kien poplu għażiż għal Alla, irrifjutah kemm-il darba. Għalhekk imbagħad jgħid x’jagħmel. Ġesù qed jitkellem fuq x’jiġri meta jirbaħ il-mewt bil-qawmien tiegħu, imbagħad jibni komunità li tkun tassew l-għalqa tad-dwieli tiegħu.

X’turina din il-parabbola? Diversi affarijiet li huma importanti għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, li Alla hu s-sid tal-għalqa, Alla hu s-sid tagħna. Meta l-bdiewa bdew jaħsbu li huma s-sidien, u waslu biex qatlu lill-iben għax qalu “il-wirt tiegħu neħduh aħna”, jiġfieri l-għalqa ssir tagħhom, dak hu d-dnub tal-bniedem, meta jagħmel lilu nnifsu minflok Alla. Dan hu anke x’naraw fil-Ġenesi, l-ewwel dnub tal-bniedem meta ried ikun minflok Alla. Għalhekk, l-ewwel messaġġ importanti hu li Alla hu s-sid tagħna, u lilu għandna nqimu u ngħożżu bħala s-sid.

Il-parabbola turina wkoll li Alla minna jistenna l-frott, kif is-sid stenna li l-għalqa tagħmel il-frott. Hekk l-istess fil-ħajja tagħna. X’inhu dan il-frott? Hu meta ngħixu tassew magħqudin miegħu li nistgħu nagħmlu tassew il-frott, li nsibuh: fl-imħabba, l-għaqda, il-ġustizzja, il-verità, l-onestà. Dawn mhumiex xi affarijiet fl-ajru, imma li narawhom fil-ħajja tan-nies, jew ma narawhomx, imma jekk narawhom dawn huma tassew il-frott li Alla jrid. Dan hu li jistenna minna wkoll: li f’ħajjitna nagħmlu l-frott.

Meta nirrifjutaw lil Alla, aħna nbatu, aħna mmorru minn taħt

Turina wkoll din il-parabbola li Alla jibgħat l-għajnuna. Bħalma bagħat dawn il-qaddejja, f’ħajjitna jibgħatilna diversi nies li jgħinuna biex ħajjitna tagħmel il-frott. Xi wħud nafu bihom, oħrajn lanqas nirrealizzaw min huma. Imma hemm diversi nies li jgħinuna fil-ħajja tagħna biex tkun ħajja ta’ frott. Tajjeb li napprezzaw lil dawn in-nies li Alla jibgħatilna, u nkunu dejjem grati lejn Alla għall-persuni li f’ħajjitna jgħinuna biex tkun ħajja li tagħmel il-frott.  

Imbagħad hemm ħaġa oħra li turina din il-parabbola: li Alla jagħmel stedina, ma jġegħilx lin-nies. Hawn bagħat il-qaddejja, imbagħad bagħat lil ibnu. Imma lil ħadd ma ġiegħel “bilfors trid tagħmel hekk”. Fil-fatt in-nies irrifjutawhom. X’turina din? Li Alla jistenna minna li nwieġbu għs-sejħat tiegħu. U jekk nirrifjutawh – turina din il-parabbola – min ibati? Aħna li nbatu. Meta nirrifjutaw lil Alla, aħna nbatu, aħna mmorru minn taħt. Għalhekk Ġesù juża tixbiha oħra, dik tal-ġebla li warrbu l-bennejja li saret il-ġebla tax-xewka. Warrbuha l-bennejja, imma kienet fil-fatt l-iktar ġebla importanti – biex jurina li meta nwarrbuh, aħna nbatu.

It-talba li nagħmlu llum hi li aħna dejjem nagħrfu lil Alla bħala s-sid tagħna; jgħinna biex f’ħajjitna nagħmlu tassew frott tajjeb u sabiħ; napprezzaw lin-nies li Alla jibgħatilna fil-ħajja tagħna, li jgħinuna f’dan; u li dejjem inwieġbu iva, mhux nirrifjutaw lil Alla għas-sejħa li hu jagħmlilna, ħalli tassew ħajjitna nibnuha fuq il-ġebla tax-xewka, jiġifieri nibnuha fis-sod.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju