L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Wieħed mill-kummenti li spiss nisimgħu hu li l-Knisja – meta ngħid il-Knisja, jiġifieri aħna lkoll li nemmnu fi Kristu – trid timxi maż-żminijiet. Dan hu veru f’ħafna affarijiet, li l-Knisja trid tagħraf tadatta dak li għandu jkun adattat għaż-żminijiet. Imma kultant dan il-kumment jingħad f’sens ieħor: jiġifieri li f’dak li aħna nemmnu, għandek tħares lejn kif in-nies qegħdin jgħixu, u timxi ma’ dan; jekk illum qed jaħsbu hekk, tibda taħseb bħalhom; jekk illum qed jgħixu hekk, tibda tagħmel bħalhom.  

Hawnhekk fl-Evanġelju tal-lum għandna lil Ġesù li f’dak li jgħid imur eżatt il-kontra ta’ dak li diversi nies fi żmienu kienu jaħsbu. Għax anke ma’ Ġesù sar ħafna drabi dan il-kumment: li dak li kien jgħallem kien kultant f’kuntrast ma’ dak li n-nies kienu jaħsbu u jagħmlu.

Hawn għandna lil Ġesù li f’dan li jgħid, joħloq żgur reazzjoni kbira min-nies għax jgħid “henjin” lil dawk li fis-soċjetà kienu meqjusin mhux henjin. Meta qed ikellem lin-nies u jgħid: henjin intom il-foqra… intom li bil-ġuħ… intom li tibku… intom li ppersegwitati minħabba fih – il-kliem tiegħu hu kliem li jagħti tama lil dawk li għaddejjin minn dan iż-żmien ta’ tbatija. Hu f’kuntrast ma’ dak li ħafna nies kienu jaħsbu, għax anke fi żmien Ġesù, kienu meqjusin henjin l-għonja; henjin kienu dawk li kellhom biex jieklu u jiffangaw; henjin kienu dawk li kienu jedhew il-ħin kollu fil-pjaċir; henjin kienu dawk lil kellhom il-poter u jagħmlu li jridu.

Is-siwi tal-ħajja

Li jipproponi Ġesù għad-dixxipli tiegħu, għalina, hu li dejjem naraw il-valuri li fil-ħajja qed imexxuna. Ma nimxux ma’ dak li kulħadd qed jaħseb u qed jagħmel qisu dan bilfors hu tajjeb, imma naraw il-valuri.

Ġesù xi jrid ifisser b’dan il-kliem li jgħid hawnhekk? Qed ifaħħar il-faqar, il-ġuħ, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni? Qed jgħid li għandna naħdmu għal soċjetà fejn ħafna nies ikunu foqra, ikunu bil-ġuħ, jibku jew ikunu ppersegwitati? Le, mhux hekk qed jgħid. Ġesù lilna għallimna li għandna nieqfu ma’ min għaddej minn tbatija, li għandna nkunu ta’ spalla u ta’ appoġġ għal min b’xi mod jew ieħor hu vittma jew qed ibati, li l-isforzi u l-ħidma tagħna għandhom ikunu biex intejbu l-ħajja ta’ ħaddieħor. Hekk għamel Ġesù nnifsu, u hekk għandna nagħmlu aħna b’impenn kbir.

Imma li qed jgħid Ġesù hu dan: aħseb kif se tkejjel is-siwi tal-ħajja. Ħajtek tiswa għal dak li għandek, u allura iktar ma jkollok iktar tiswa ħajtek? U iktar ma ġġib u forsi anke takkwista minn hawn u minn hemm, iktar tiswa ħajtek? Ħajtek tiswa daqskemm tieħu pjaċir? Ħajtek tiswa għax inti popolari jew għandek il-poter?

Il-kuntentizza tagħna għandna nfittxuha f’Alla, mhux f’dak li jgħaddi. Meta nagħmlu hekk, qed nagħmlu l-għażla t-tajba li ġġibilna l-ferħ u l-paċi tassew.

Ġesù qed jgħid: ma għandekx tkejjel b’dawn is-siwi ta’ ħajtek, torbotx is-siwi ta’ ħajtek ma’ dawn. Qed jgħid lilna: ħajjitna tiswa daqskemm aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fil-Mulej, u nħallu lilu jmexxina u jgħallimna tassew il-valuri li għandhom jibnu l-ħajja tagħna.

Il-fiduċja għandna nqegħduha f’Alla, il-Ħallieq, u mhux f’dak li hu maħluq; il-kuntentizza tagħna għandna nfittxuha f’Alla, mhux f’dak li jgħaddi. Meta nagħmlu hekk, qed nagħmlu l-għażla t-tajba li ġġibilna l-ferħ u l-paċi tassew.

Għażla bejn żewġ toroq

Il-kliem ta’ Ġesu lilna jsejħilna għal għażla. Hi l-istess għażla li smajna fl-ewwel qari mill-Profeta Ġeremija, li fissirha b’mod sabiħ u ċar: Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej… ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla li għandha għeruqha fil-wied u għalhekk tibqa’ dejjem tħaddar u tagħmel frott. L-istess ħsieb insibuh fis-Salm: “bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha u l-weraq tagħha ma jidbielx”. F’kuntrast ma’ dan hu l-bniedem li jwarrab lill-Mulej u jfittex il-qawwa tiegħu fih innifsu u f’dak li jgħaddi – ikun għal siġra fix-xagħri, li ma tara ebda ġid.

Għalhekk il-messaġġ li jagħti lilna l-Mulej bil-kelma tiegħu hu biex aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fih, inserrħu fuqu, u fid-dawl tiegħu u tal-kelma tiegħu nagħrfu s-siwi tal-ħajja tagħna. Meta nserrħu fuqu, nagħrfu mbagħad dak li għandna nagħżlu u dak li għandna nwarrbu. U nagħrfu wkoll fejn għandna norbtu qalbna: li norbtu qalbna mhux ma’ dak li jgħaddi, imma ma’ dak li jibqa’. Jekk aħna nfittxu li nserrħu biss f’ħajjitna ma’ dak li jgħaddi, wara ż-żmien nindunaw li jkun hemm biss vojt u ma jibqa’ xejn, kollox jitmermer. Jekk aħna nserrħu fuq dak li jibqa’, hemm xi ħaġa li minn issa diġà tagħtina l-paċi u tkompli fil-ħajja ta’ dejjem.

Nitolbu llum lill-Mulej, fid-dawl tal-kelma tiegħu, biex aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fih u fil-kelma tiegħu, nagħrfu s-siwi ta’ ħajjitna fid-dawl tal-kelma tiegħu, u nitolbuh ikompli jgħinna biex nibnu l-ħajja tagħna fuq il-kelma tiegħu ħalli tħalli tassew frott.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju