L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Biex ma tkun ta’ ebda skandlu għalihom…” (Mt 17:27). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù, fl-Evanġelju, skont San Mattew lil Pietru meta jgħidlu jmur iħallas it-taxxa. Pietru kien iltaqa’ ma’ dawk li kienu qed jiġbru t-taxxa għat-tempju, u staqsewh jekk l-Imgħallem, jiġifieri Ġesù, kienx iħallas it-taxxa. U meta reġa’ lura d-dar, Ġesù lanqas ħallieh jistaqsih jew jitkellem fuq hekk, imma kellmu hu, Ġesù stess. U qallu biex imur iħallas it-taxxa.
Il-mod kif hu naqra partikulari, għax qallu biex imur jaqbad ħuta, jiftħilha ħalqha u hemm isib munita tal-fidda. Issa Pietru kien sajjied, ma kienx imdorri jsib il-muniti fil-ħut li kien jaqbad. Imma Ġesù qallu biex jagħmel xi ħaġa li kien imdorri jagħmel, il-mestier tiegħu –jaqbad ħuta – imbagħad isib xi ħaġa li kienet speċjali, għax hemm l-intervent tiegħu, ta’ Ġesù – biex isib il-munita tal-fidda u jużaha għall-ħlas tat-taxxa.
L-iktar li tolqotna hawn hi r-raġuni għaliex Ġesù jgħidlu biex jagħmel dan. Ġesù jgħidlu: “biex ma tkun ta’ ebda skandlu għalihom”. Ġesù qed jgħidlu li proprjament ma kellux għalfejn iħallas it-taxxa, anke għaliex din kienet taxxa għat-tempju, jiġifieri mhux taxxa mir-Rumani imma taxxa mil-Lhud stess, u Ġesù fl-istess Evanġelju skont San Mattew, kien qal: “Ngħidilkom li hawnhekk hawn min hu aqwa mit-tempju” (Mt 12:6) – meta qed jitkellem għalih innifsu. Imma Ġesù jgħid: “biex ma tkun ta’ ebda skandlu għalihom”. “Skandlu” jfisser ostaklu, tfixkil, hi ġebla li ssib fit-triq, li tfixklek u twaqqgħek. Ġesù ried li jevita li jkun ta’ tfixkil għan-nies.
Nixtieq nieqfu fuq din il-kelma: “skandlu”. Hawn Ġesù jrid jevita li jkun ta’ skandlu għan-nies, imma aktar ’il quddiem San Pawl, meta jikteb lill-Korintin, jgħidilhom: “Aħna nxandru lil Kristu msallab, skandlu għal-Lhud, u bluha għall-pagani” (1 Kor 1:23). U jkompli San Pawl jgħid: “…imma għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu hu l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla”.
Ġesù ried li jevita li jkun ta’ tfixkil għan-nies.
Hawn naraw id-differenza. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesu ried li jevita li jkun ta’ tfixkil, jevita dan l-iskandlu għan-nies. Imma s-salib ma setax jevitah, ma riedx jevitah. Fil-fatt, hawnhekk jgħid lid-dixxipli: “Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin u joqtluh, u fit-tielet jum iqum”. U d-dixxipli, l-iktar nies madwaru, waqfu fuq l-ewwel żewġ affarijiet li semma – “mogħti f’idejn il-bnedmin u joqtluh” – u tista’ tgħid ma fehmux jew insew “u fit-tielet jum iqum”. L-Evanġelju jgħid: “sewdu qalbhom ħafna”. Forsi kieku fehmu x’qed jgħid, li fit-tielet jum iqum mill-mewt, kienu jsewdu qalbhom inqas. Imma sewdu qalbhom ħafna għax għad-dixxipli Kristu msallab kien ukoll skandlu, tfixkil. Imma ma waqfux hemm, għax dak ma kienx it-tmiem tal-istorja. Kristu qam mill-mewt. U Kristu rebbieħ, Kristu glorjuż, hu għalhekk l-għajn tas-salvazzjoni. Jekk inti tieqaf fuq Kristu msallab biss, hu ta’ tfixkil, speċjalment jekk tkun imxejt warajh jew tkun smajt lilu; imma jekk tagħraf fis-salib it-triq li twassal għall-glorja, hemmhekk storja differenti għal kollox. Hemmhekk Kristu hu l-għajn tas-salvazzjoni.
Dak hu l-messaġġ importanti għalina. Nitolbu lill-Mulej, illum, l-ewwel nett biex aħna, bl-għemil tagħna u bil-kliem tagħna, ma nkunu ta’ ebda skandlu għall-oħrajn. Ejjew nitolbuha din speċjalment għalina s-saċerdoti, biex b’dak li ngħidu, b’dak li niktbu, ma nkunux ta’ tfixkil għan-nies. Fl-istess waqt nitolbu biex aħna nħarsu lejn Kristu msallab, u qatt ma narawh bħala skandlu, bħalma kien għal dawk li waqfu hemm, imma fi Kristu msallab naraw tassew Kristu li jgħaddi mill-mewt għall-ħajja, it-triq li twassal għar-rebħa, l-għajn tas-salvazzjoni tagħna, is-salib glorjuż li għalina jfisser li aħna salvati.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju