L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Jiena u nirrifletti fuq l-Evanġelju li għadna kemm smajna, ftakart f’diversi riti li lkoll kemm aħna għaddejna minnhom. Aħna d-djoċesani – ir-riti tal-ordinazzjonijiet djakonali, presbiterali li ħafna minnkom ukoll għaddejtu minnhom minn idejn is-suċċessuri tal-Appostli, il-predeċessuri tiegħi u uħud, minnkom anke minn idejja, imma b’mod speċjali intom ukoll fil-mument tal-professjoni reliġjuża, meta b’sinjal tad-disponibbiltà, u tas-sottomissjoni aħna npoġġu jdejna f’idejn is-superjur. L-id hija sinjal tad-disponibbiltà tal-bniedem, hija wkoll is-sinjal tal-qawwa tiegħu tal-komunikazzjoni tiegħu. Min huwa midħla tal-ikonografija orjentali tradizzjonali jaf li fl-ikoni l-personaġġi jitkellmu b’idejhom. Meta fiż-żminijiet tad-dlam l-għedewwa tax-xbihat qaddisa riedu jagħmlu l-ħsara lil dawn ix-xbihat, kienu jaqtgħulhom rashom u jdejhom jew idejhom biss biżżejjed, għax li inti taqta’ l-id ta’ xi ħadd huwa sinjal li m’għandux iżjed qawwa fuqek.     

F’dan il-kuntest nistgħu nirriflettu ftit fuq dak li għamel Ġesù llum fl-Evanġelju (Lq 6:6-11). Jiltaqa’ ma’ raġel, ikellmu, idu l-leminija niexfa. Jekk aħna nieħdu s-sinifikat tal-id, nifhmu li allura, dak ir-raġel kellu deficit kbir, u għalina jaf ifisser ukoll in-nuqqas ta’ disponibbiltà, in-nuqqas ta’ kapaċità li nikkomunikaw u n-nuqqas ta’ sottomissjoni. Dik l-id li jiena poġġejt f’isem il-persuna u l-intimità kollha tiegħi f’idejn is-superjur, waqt li qiegħed inwiegħed ubbidjenza, ormaj nixfet. U l-Mulej lil dan ir-raġel jgħidlu:  “Qum, oħroġ fin-nofs… midd idek” (Lq 6:6-11). U llum l-Mulej qed jistedinna biex nerġgħu mmiddu dik l-id li biha aħna impenjajna ruħna għad-disponibbiltà totali lejh biex ifejjaq lilna. Il-Mulej irid iġedded fina d-disponibbiltà tal-għerusija tal-vokazzjoni tagħna, il-kapaċità li nikkomunikaw mill-ġdid, l-umiltà li nissottomettu ruħna lejn is-superjuri leġittimi u lejn ir-rieda tiegħu. Bħalma tlabna fil-bidu tal-quddiesa, it-talba tagħna, intom u tibdew dan il-Kapitlu, huwa li tagħrfu r-rieda ta’ Alla u tagħmluha għax inti tista’ tagħrafha r-rieda ta’ Alla, imma tgħidlu: ma jinteressanix.

Il-ġest profond ta’ Ġesu li għamlu f’jum is-Sibt, għaliex jum is-Sibt huwa jum il-Mulej, hemm bżonn ikompli jagħmel il-ġid, hemm bżonn li jsalva ħajja u mhux jeqridha; huwa ġest ta’ tiġdid. Imma li jitlob minna huwa li aħna, forsi konxji mid-difetti tagħna, mid-dnubiet tagħna, mill-fatt li l-id tagħna nixfet, nixfet id-disponibbiltà, nixfet is-sottomissjoni, nixfet il-komunikazzjoni, aħna innewluhielu u hu jfejjaqna. 

Aħna bħala djakni għallmuna li qabel nipprietkaw jew inkella nipproklamaw il-Kelma, nitolbu l-barka u t-talba tal-barka tal-presbiteru jew tal-isqof hija profonda. “Il-Mulej ikun f’qalbek u f’fommok, biex ixxandar kif jixraq it-tagħlim tal-Evanġelju”. U din il-barka għandna bżonnha, għandna bżonnha fil-Knisja f’Malta, bħalma għandna bżonnha fil-Knisja universali u anke fil-Provinċja. Li l-Mulej ikun fuq il-fomm tagħna u fil-qalb tagħna. Għalfejn? Biex inkunu nistgħu nxandru kif jixraq it-tagħlim tal-Evanġelju. Imma min se jgħinna fin-nuqqas tad-dinjità, fin-nuqqas ta’ ħin tagħna, fin-nuqqas ta’ min jaf li ma jixraqlux, biex ngħidu hekk. Niftakru fit-talba li nagħmlu kif nispiċċaw naqraw l-Evanġelju: bit-tagħlim tal-Evanġelju nitnaddfu minn dnubietna.

Il-ħelsien, ir-rikonċiljazzjoni, il-maħfra, l-indafa tiġi mill-Kelma li nxandar, għalkemm jiena m’iniex dehen. U t-talba tal-Knisja biex jiena nxandar l-Evanġelju biex kif jixraq, mhijiex talba li tistenna li l-ewwel inkun qaddis imbagħad nipprietka, le. L-għerf tat-talba tal-Knisja jifhem li waqt li qed inxandar, għalkemm m’iniex dehen, il-Mulej qiegħed jippurifikani: bit-tagħlim tal-Evanġelju nitnaddfu minn ħtijietna.   

U għalhekk lilna wkoll Ġesù jgħid, bħalma għamel lil Tumas l-appostlu: “Tumas, newwel idek, miss il-pjagi tiegħi u emmen” (ara Ġw 20:27). Dik l-id, li forsi hija niexfa, il-Mulej irid ifejjaqha biex tidħol mill-bieb tal-pjagi tiegħu u minn hemmhekk tieħu għajn safja, mixja ta’ tama, ta’ ħelsien u ta’ maħfra.

Ejjew nitolbu ’l Mulej, anke quddiem din ix-xbieha tant sabiħa ta’ dan il-Kurċifiss, biex il-Mulej ifejqilna d-disponibbiltà, il-komunikazzjoni tagħna u s-sottomissjoni tagħna u b’hekk jippreparana biex immissu kontinwament il-pjagi tiegħu, għax il-pjagi tiegħu huma għajn ta’ tama, ta’ maħfra u ta’ faraġ.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Kol 1, 24 – 2, 3
Salm: 61 (62), 6-7.9
Evanġelju: Lq 6, 6-11