Il-Caritas qalet persuni li jkollhom problema tad-droga jew ta’ saħħa mentali jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal persuni oħra wara li jindirizzaw din il-bżonnijiet tagħhom.

L-Erbgħa 24 t’Awwissu, Caritas Malta ħejjiet konferenza li permezz tagħha ġie fi tmiem proġett ta’ tliet snin ta’ Erasmus+. L-isem ta’ din il-konferenza kien ‘HELPEX –  European qualification of peers in the helping process of rehabilitation and recovery’.

Fid-diskors tiegħu Patrick Harvey, li jaħdem fis-sezzjoni tar-riżorsi umani fi ħdan Caritas Malta, spjega kif fl-2019 Caritas Malta kienet ġiet avviċinata minn Caritas Bavaria biex jipparteċipaw f’Erasmus+ flimkien ma’ seba’ entitajiet oħra minn madwar l-Ewropa, sabiex jiġu żviluppati sett ta’ għodda ta’ taħriġ għal persuni li kellhom problema ta’ dipendenza fid-droga jew problema ta’ saħħa mentali. Żied li permezz ta’ dan it-taħriġ dawn il-persuni jkollhom ċans jaħdmu fl-istess settur li minnu kienu qed jirċievu l-għajnuna.

Il-Caritas spjegat li din kienet opportunità li fiha setgħet tikkontribwixxi minħabba li dan il-mudell diġà jintuża internament. Il-Caritas tħaddem numru ta’ persuni b’esperjenza personali ta’ konsum tad-droga u li huma temmew b’suċċess il-programm ta’ riabilitazzjoni fi ħdan il-Caritas.

Permezz ta’ dan il-proġett ġew żviluppati żewġ settijiet ta’ għodda ta’ taħriġ jew kif issejħu fil-proġett, curricula. Wieħed minn dawn il-curricula hu mfassal għal persuni li fil-passat kienu dipendenti fuq id-droga jew kellhom problema ta’ saħħa mentali. F’dan il-proġett il-partners issejħu ‘peers’. It-temi kienu jvarjaw minn komunikazzjoni fuq il-post tax-xogħol, kif wieħed għandu jindirizza kunflitt, ħiliet bażiċi ta’ għajnuna, u għarfien dwar kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali fost l-oħrajn.

Harvey spjega li dawn is-suġġetti ħafna drabi jittieħdu for granted u wieħed jistenna li kulħadd ikun konxju tagħhom. Iżda persuni li fil-bagalja tagħhom iġorru dipendenza fuq id-droga jew għandhom problema ta’ saħħa mentali, ir-realta’ tagħhom ma tkunx hekk.

It-tieni curriculum jindirizza lill-professjonijisti li jaħdmu f’setturi li magħhom hemm impjegati l-peers. L-għan ta’ dan il-curriculum hu li l-professjonisti jkunu iktar konxji tal-bżonnijiet tagħhom u li jkun hemm iktar koperazzjoni bejniethom fuq il-post tax-xoghol.

Harvey qal li l-esperjenza tal-Caritas, li timpjega persuni li kellhom problema ta’ droga fil-passat u li wara li ħarġu minnha, l-impjieg tagħhom isarraf f’role modelling li l-ebda kwalifika mill-univeristà ma tista’ tieħu post l-esperjenza. Kompla jgħid li l-kunċett ta’ li tagħti lura hu valur importanti ħafna għax jagħti sens qawwi ta’ solidarjetà.

Harvey żied li meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, Malta tinsab ‘il quddiem fil-kunċett ta’ peers. F’pajjiżi oħra persuni li jkollhom problema tad-droga jew ta’ saħħa mentali huma meqjusa inqas minn oħrajn. Madankollu persuni li jaħdmu San Blas huma għandhom l-istess pożizzjoni u responsabbiltajiet bħal staff oħrajn. Qal li f’Malta hawn twemmin ċar li persuna ħaqqha t-tieni ċans li persuna tista’ terġa’ tibni ħajjitha mill-ġdid.

Sors: Newsbook.com.mt