L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fil-bidu tal-ministeru tiegħu, Ġesù jagħżel xi persuni biex ikunu dixxipli, u biex minnhom jifforma l-komunità tiegħu. Fir-rakkont tal-Evanġelju tal-lum, narawh jagħżel erbgħa min-nies: lil Xmun u ħuh Indrì, lil Ġakbu u ħuh Ġwanni.

X’naraw f’din is-sejħa ta’ Ġesù? L-ewwel nett, Ġesù jsejjaħ bħala l-ewwel dixxipli nies ta’ ħajja mill-aktar ordinarja. Ma sejjaħx mexxejja reliġjużi jew politiċi, jew inkella nies għonja jew nies b’xi poter fis-soċjetà, imma għażel lil dawn: erba’ sajjieda. Mhux għax nies oħra mhumiex imsejħin ukoll, imma hu ried li l-ewwel nies li jagħżel ikunu dawn is-sajjieda. Li kieku staqsewhom għas-cv, kienu jgħidu: aħna sajjieda, ilna snin sajjieda, u nafu dak kollu li għandu x’jaqsam mas-sajd. Lilhom għażel Ġesù.

X’naraw aktar f’din is-sejħa? X’kellhom bħala karatteristika dawn l-erbgħa min-nies? Kienu nies ta’ qalb ġeneruża, u disposti li jwieġbu għas-sejħa u jimxu warajh. Għamlu dan bil-qalb għax fih, f’Ġesù, għarfu l-aqwa teżor. Ma marrux warajh għax kienu mdejqin bix-xogħol li kellhom, jew inkella għax Ġesù wegħedhom xi ħaġa, xi kumpens, jew xi poter partikulari, jew li jilħqu xi ħaġa. Marru warajh għax fih għarfu l-aqwa teżor u dak li jagħtihom il-ħajja vera. U għalhekk setgħu jħallu x-xbiek – tnejn minnhom kienu qed ikalaw ix-xbiek meta sejħilhom, u tnejn kienu qed jaħslu x-xbiek – segħu jħallu s-sengħa, lil sħabhom, lil tad-dar, biex jimxu warajh. Hi din il-qalb ġeneruża li hi karatteristika kbira ta’ dawn l-erbgħa, l-ewwel dixxipli tiegħu.

Kultant li jiġrilna hu dan: nagħrfu l-limitazzjonijet tagħna, id-dgħufija tagħna, in-nuqqasijiet tagħna, u qisna noqogħdu lura; jew nagħrfu l-kobor ta’ din il-missjoni li jrid jagħtina Ġesù u ninġibdu lura.

Kienu nies perfetti, bla dnubiet, bla nuqqasijiet? Le, altru! Anzi l-Evanġelju donnu jenfasizza l-iżbalji tagħhom, u d-dgħufija tagħhom, ibda mill-ewwel wieħed, minn Xmun. Nafu kemm l-Evanġelju jsemmi d-dnubiet tiegħu. Mhux għax huma kienu nies bla limitazzjonijiet u bla nuqqasijiet, imma għax għarfu li Ġesù hu dak li jgħinhom – kif għenhom imbagħad meta kienu miegħu – biex jagħrfu d-dgħufija tagħhom u n-nuqqasijiet tagħhom, imma minnu tiġi l-qawwa, minnu tiġi l-grazzja biex huma jistgħu jkunu dixxipli, u minnhom jagħmel appostli kbar. Mhux għax kellhom xi kapaċità huma, imma bil-grazzja ta’ Alla. Imbagħad, wara l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, setgħu tassew joħorġu bħala sajjieda tal-bnedmin, kif qalilhom li jrid jagħmilhom Ġesù. Hemmhekk joħorġu ’l barra, u jgħinu nies oħra biex ikunu dixxipli ta’ Ġesù.

X’inhu l-messaġġ għalina f’din il-kelma ta’ Alla? Aħna lkoll imsejħin bil-magħmudija tagħna. Lilna, kull wieħed u waħda minna, Ġesu jsejħilna biex nimxu warajh. Hemm min għandu sejħa partikulari bħalma hija l-ħajja saċerdotali u reliġjuża, bħalma hija l-ħajja miżżewġa, u wkoll il-ħajja ta’ min hu single; imma f’dawn kollha Ġesù jagħmlilna din is-sejħa biex aħna nkunu dixxipli tiegħu li nimxu warajh. Kultant li jiġrilna hu dan: nagħrfu l-limitazzjonijet tagħna, id-dgħufija tagħna, in-nuqqasijiet tagħna, u qisna noqogħdu lura; jew nagħrfu l-kobor ta’ din il-missjoni li jrid jagħtina Ġesù u ninġibdu lura. Imma Ġesù jsejħilna lkoll biex inkunu dixxipli tiegħu li nimxu warajh, biex nistgħu nagħtu xhieda tiegħu u nkunu bħall-appostli li nwasslu lilu lill-oħrajn.

Din hi t-talba li nixtieq nagħmel illum għalina lkoll: li minkejja d-dnubiet u l-limitazzjonijiet tagħna, aħna nagħrfu li Alla jridna nkunu dixxipli. Huwa Ġesù li jaħdem qalb id-dgħufija u n-nuqqasijiet tagħna, biex minna jagħmel ukoll appostli li nwassluh lill-oħrajn. Nitolbuh biex aħna nkunu nistgħu naqduh bl-istess qalb ġeneruża u ħeġġa li kellhom Xmun u Indri, Ġakbu u Ġwanni.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju