• ****

    Direttur: Robert Zameckis

    Atturi: Joseph Gordon-Levitt, Ben Kingsley, Charlotte Le Bon, James Badge Dale, Ben Schwartz u Steve Valentine

    Ħin tal-Film: 123 min

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12A                 

    Kieku wieħed kellu jkun preżenti ġewwa Lower Manhattan fi New York  fis-7 ta’ Awwissu 1974,  kien ikun xhud ħaj ta’ temma  b’suċċess ta’ ġrajja fenominali li  saret fis-seklu għoxrin. Kien il-jum meta Philippe Petit, żagħżugħ Franċiż,  wettaq waħda minn tiegħu. Minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħu li jwettaq mixja fuq ħabel stirat merfugħ mill-art, din id-darba bejn iż-żewġ torrijiet famużi magħrufa bħala t-Twin Towers tal-World Trade Center. Bejniethom kien hemm 200 pied wisa’,  b’għoli ta’ mijiet ta’ piedi mill-art. Dan għamlu mingħajr ma kien hemm xibka taħtu u  mingħajr ma kien marbut. B’eluf ta’ spettaturi jħarsu ’l fuq, b’numru ta’ pulizija lesti għalih biex jarrestawh, Philippe għamel 45 minuta, ġej u sejjer bejn iż-żewġ torrijiet b’għaġeb ta’ kulhadd. Hekk kif Philppe rrnexxielu jtemm “Il-Mixja” tiegħu b’amirrazzjoni  ta’ kulħadd, barra tal-pulizija, meta niżluh isfel fuq l-art, arrestawh. Is-sens komuni rebaħ u l-istat waqqa’ il-każ wara li Philippe aċċetta li jgħati wirja lit-tfal fis-Ċentral Park ta’ New York. Wara li għaddew tletin sena, Philippe kiteb il-memorji tiegħu ta’ dak l-avveniment storiku fi ktieb bl-isem ta’ To Reach the Clouds.  Fl-2008, James Marsch ippresenta dokumentarju : Man on Wire li kien rebaħ l-Oscar għall-aħjar dokumentarju.  F’dawn il-jiem,  dawk li jħobbu films li jżommuk fuq ix-xwiek, sejjer ikollhom film biex jieħdu pjaċir għaliex id-direttur Robert Zemeckis  ħadem film bid-dettal kollu ta’ kif ġiet ippjanata din il-bravura li wettaq Phillipe Petit. Dan il-film hu msejjes fuq il-memorji li Philippe stess kiteb fl-2002. Biex tħarreġ il-protoganist tal-film, Joseph Gordon-Levitt li ħadem il-parti ta’ Philippe,  intalab l-istess Philippe Petit biex iħarġu fuq il-ħabel stirat.

    Film Amerikan bi 3D, taħt id-direzzjoni ta’ Robert Zemeckis, msejjes fuq storja vera li ġrat fl-1974 meta żagħżugh Franċiż, Philppe Petit irrnexxielu jaqsam bejn it-Twin Towers fl-Lower Manhattan fi New York. Għalkemm il-film għandu xeni ta’ koabitazzjoni, xi użu ta’ droga, kif ukoll xi kliem goff,  ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena, iżda persuni ta’ eta’ iżgħar minn 12 –il sena jistgħu jarawh jekk akkompanjati minn xi adult.