***

Direttur:          Floria Sigismondi

Atturi:              Mackenzie Davis, Finn Wolfhard, Brooklynn Prince, Joely Richardson, Barbara Marten, Mark Huberman, Niall Greig Fulton u Denna Thomsen

Ħin tal-Film:    94 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

Il-film jibda bil-ħarba ta’ Miss Jessel minn dar kbira.Miss Jessel sa ftit qabel kienet tieħu ħsieb lil Flora Fairchild, tifla żgħira. Kif tasal qrib ix-xatba u tipprova tiftaħa tiġi attakkata minn raġel imċerċer. Ftit żmien wara niltaqgħu ma’ Kate Mandell li ddeċidiet li tħalli l-professjoni ta’ għalliema biex tibda tieħu ħsieb,  bħala governanti, lil Flora wara li Miss Jessel  ma dehritx aktar.

Qabel ma titlaq biex tibda x-xogħol ġdid, tagħmel żjara lil ommha li kienet tbati minn delużjonijiet u kienet qegħda rikoverata f’istitut mentali. Meta tasal fid-dar, Mrs Grose, li kienet tieħu ħsieb id-dar, għarfitha li Flora kienet xhud tal-mewt tal-ġenituri tagħha meta dawn mietu b’disgrazzja bil-karrozza barra x-xatba tad-dar u li Flora kienet meqjusa bħala ‘każ speċjali’. Meta Kate tiltaqa’ ma’ Flora, din toffri li teħodha dawra mal-ġnien tad-dar u tistqar magħha li qegħda tibża’ li Kate tagħmel l-istess u titlaq mill-post kif kienet għamlet Miss Jessel mingħajr ma ssellmilha. Kate twegħda li mhux sejra tagħmel hekk. 

L-ewwel lejl, Kate tinvestiga xi storbju li kien ġej min-naħa tal-East Wing li fil-fatt Flora rrifjutat li turiha ftit qabel. Hemm tiltaqa’ ma’ Miles, ħu Flora, li kien għadu kif wasal mill-kulleġġ fejn kien boarder. Kate ma staqsitx għaliex kien ġie lura iżda l-għada hi tirċievi telefonata mill-kulleġġ fejn għarfitha li Miles kien gie mkeċċi għax kien instab joħnoq tifel.        Kate xejn ma ħadet pjaċir iktar u iktar meta Miles u Flora bdew jiċċajtaw bil-goff magħha. Kate fil-fatt tirrabja ħafna ma’ Miles għalkemm wara tiskuża ruħha. Miles min-naħa tiegħu joffri li jgħallem lil Kate kif tirkeb żiemel. Quint li kien jieħu ħsieb iż-żwiemel kien miet dan l-aħħar. Sadanittant, Kate tibda tinnota ġrajjiet li jibdew iseħħu matul il-lejl u għalhekk tibda tħalli d-dawl jixgħel meta tiġi biex torqod. Meta Kate turi x-xewqa li tieħu lit-tfal fil-belt, kemm Flora kif ukoll Mrs Grose xejn ma jieħdu pjaċir tant li Flora tispiċċa tipprotesta bil-qawwa. X’jiġri minn hawn?

Film tal-biża fuq is-sopranatural, taħt id-direzzjoni ta’ Floria Sigismondi u kitba ta’ Carey u Chad Hayes. Il-film hu adattat minn rumanz: The Turn of the Screw ta’ Henry James li kitbu fis-sena 1898. Minħabba xi vjolenza mdemmija, it-tema tal-okkult, kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.