L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tagħrfu l-verità, u l-verita teħliskom.” Dan hu l-kliem li Ġesù qal lil-Lhud f’wieħed mill-battibekki li kellu magħhom. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann insibu mumenti fejn Ġesù jagħmel diskursata sħiħa man-nies; huma jgħidulu ħaġa, u hu jgħidilhom ħaġa oħra. Hawn jgħidilhom: “Jekk iżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħu, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.” Huma ħaduha bi kbira li qed isemmi l-ħelsien, li jridu jinħelsu minn xi ħaġa. Qalulu: aħna m’aħna lsiera ta’ ħadd.

Hawnhekk tolqotna, bħalma tolqotna wkoll kultant f’mumenti oħra fl-Evanġelju, kif huma dejjem isemmu lil Abraham “Aħna nisel Abraham … Missierna hu Abraham”. Naturalment, għax Abraham kien il-missier fil-fidi. Imma Ġesù jurihom kif mhux biżżejjed issemmi lil Abraham. Hu jaf li huma nisel Abraham, imma jkunu tassew ulied Abraham jekk ikollhom il-fidi ta’ Abraham u jimxu kif mexa Abraham. Hemmhekk l-importanti, mhux li ssemmih.

Ġesù jsemmi ħafna li huma ma tawx kas il-kelma tiegħu. Jgħid: “il-kelma tiegħi ma qabditx l-art fikom”. Qisha żerriegħa li ma sabitx art tajba, u għalhekk ġiet rifjutata. Hekk ħassu Ġesù quddiem dawn in-nies. Għalhekk jgħidilhom: intom tibqgħu f’dak li hu ħażin, għax il-kelma “ma qabditx l-art fikom”.

X’inhu l-messaġġ għalina llum f’din il-kelma ta’ Alla? Aħna nitgħallmu ħafna minn dan. Bħalma dawn in-nies kienu jgħidu “missierna Abraham” u qishom kienu kuntenti b’dan, qishom kellhom garanzija għax il-missier fil-fidi kien Abraham, jista’ jiġri hekk lilna li ngħidu Missierna San Pawl, il-fidi nafuha lilu, kuntenti b’hekk. Għandna għalfejn inkunu kuntenti li Missierna San Pawl, imma jekk din ma tkunx imsieħba ma’ ħajja fejn nippruvaw ngħixu tassew il-kelma ta’ Ġesù li wasslilna San Pawl, ikun hemm xi ħaġa ħażina. Ma nkunux tassew qegħdin ngħixu dak li jrid minna Missierna San Pawl. L-istess meta jkollna diversi patruni – qaddis jew qaddisa – mhux biżżejjed li nsemmuhom qisna aħna nafu lilhom u hemm xi garanzija b’daqshekk. Lanqas xejn. Irridu ngħixu l-kelma li wasslilna Ġesù, li turina l-verità, u li tgħinna nagħżlu bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, biex ma nsirux ilsiera ta’ dak li hu ħażin, ilsiera tad-dnub.

Tolqotna kif il-kelma li qalilna Ġesù narawha mill-esperjenza tal-ħajja tagħna, speċjalment meta jsemmi “ilsiera tad-dnub” u li hu jrid jeħlisna milli nkunu lsiera tad-dnub. Aħna lkoll midinbin, imma jiddispjaċina tad-dnub tagħna u nitolbu lil Alla maħfra tad-dnub tagħna. Meta Ġesù jgħid “ilsiera tad-dnub” hu meta d-dnub ma jiddispjaċikx tiegħu, imma tgħix ħajja ta’ dnub, ħajja b’dan l-istil u tagħmlu bl-iktar mod normali. Tgħix dan l-istil ta’ ħajja bla dispjaċir ta’ xejn. Qisek qed tieħu t-te, u d-darba li jmiss tieħu t-te li jmiss, imissek xi ħaġa oħra. Naraw kif dan idaħħlek tassew f’jasar, u tibda tirraġuna li xejn mhu xejn, bħalma naraw kultant fil-ħajja madwarna. Dan iwassal għal ħafna u ħafna ħażen. Għaliex tkun qalb li kkorrompiet ruħha, u għalhekk taċċetta kollox, u ma tqis xejn biex tagħmel dak li hu ħażin. Dan hu li jsemmi Ġesù meta jgħid “ilsiera tad-dnub” u minn dan irid jeħlisna – milli aħna nidħlu f’tip ta’ ħajja fejn il-ħażen jiġi l-ħajja normali tagħna.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: li l-kelma tiegħu taqbad art tajba fina, li tgħinna nagħrfu l-verità, u li l-verità żżommna dejjem ħielsa.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju