L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid” (Mk14:12). Din hi domanda li d-dixxipli jagħmlu lil Ġesù. L-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li kien l-ewwel jum tal-Ażżmi meta kienu jissagrifikaw il-Ħaruf tal-Għid. U d-dixxipli jagħmlu din id-domanda lill-Mulej: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” (Mk14:12).
L-Evanġelju ta’ San Mark jinsisti li l-kliem ta’ Ġesù: “Ħudu dan huwa Ġismi, dan huwa Demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna” (Mk 14:22,24) hu propju kliem li Ġesù qal waqt l-Ikla tal-Għid, waqt l-ikla li tiċċelebra il-ħelsien tal-poplu Lhudi li fih il-Mulej juri l-qawwa tiegħu u sseħħ il-wegħda tal-Mulej li jkun dejjem mal-poplu tiegħu.
U Ġesù b’dak li għamel iwettaq l-Ikla tal-Għid imwaqqfa fi żmien Mosè u Aron, fi żmien il-ħruġ tal-poplu mill-art tal-Eġittu, mill-art tal-jasar, fi żmien tal-Eżodu, il-ħruġ, imma wkoll ifakkar il-ħruġ tiegħu mid-dinja. Hu l-Evanġelju ta’ San Luqa li jgħid li Ġesù fuq it-Tabor tkellem ma’ Elija u Mosè, tkellem magħhom fuq il-ħruġ tiegħu, l-eżodu tiegħu, it-tluq tiegħu minn din id-dinja.
U Hu jagħtina dan il-kmand: “Agħmlu dan b’tifkira Tiegħi” (Lq 22: 19). Jagħti l-Ħobż u wara l-barka jgħid: “Ħudu dan hu ġismi (Mk14:22). Jaqbad il-kalċi, irodd il-ħajr, u jnewwel il-kalċi u jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt li jixxerred għal ħafna” (Mk14: 24 ).
U aħna qegħdin nagħmlu din il-festa, biex bħalma għamilna f’Ħamis ix-Xirka, l-Adorazzjoni ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, nerġgħu nfakkru dak li għamel Ġesù u dak li jseħħ f’kull quddiesa. Nixtieq nirringrazzjakom talli llum ġejtu għal din il-quddiesa u minn hawn u ftit ieħor nagħmlu att pubbliku tal-qima tagħna lejn Ġesù: Ġesù ħaj fl-Ewkaristija bil-ġisem u d-demm.
Aħna nħobbu l-knejjes tagħna, ngħożżu x-xbihat qaddisa, imma ma ninsew qatt li fil-knejjes tagħna għandna lil Ġesù ħaj. Fit-tabernaklu hemm Ġesù ħaj. U dak hu li aħna se jkollna l-ferħ li naqsmu mat-tfal għeżież tagħna nhar is-Sibt li ġej. Min għandu l-preċett jaf meta hu għax min jaf kemm ilkom tippreraraw. U tagħmlu sew. Imma f’dawn il-jiem ta’ preparazzjoni, tajjeb li lit-tfal infakkruhom il-festa tassew x’inhi. Mhux ir-rigali li se nagħtuhom jew l-festin li se nagħmlulhom, imma l-ikbar festa tkun fir-ruħ tat-tfal tagħna li se jilqgħu lil Ġesù.
U aħna wkoll illum ġejna biex ngħidulu grazzi lil Alla, li minkejja dnubietna jagħtina l-grazzja li nirċevuh. Illum nitolbu wkoll għad-don tas-saċerdot. Għax jekk hawn persuna fid-dinja li tista’ tagħtina l-Ewkaristija hi s-saċerdot, magħżul minn Alla minkejja d-dnubiet u d-difetti ta’ kull wieħed minna, biex aħna niżguraw lill-poplu d-don tal-maħfra tad-dnubiet u tal-Ewkaristija.
Hemm ħafna affarijiet li jistgħu jagħmluhom ħafna nies u aħjar minna; ħafna nies jagħmlu affarijiet ħafna aħjar mis-saċerdot. Imma s-saċerdot, minkejja d-difetti tiegħu, jista’ jagħtik xi ħaġa li ma jista’ jagħtihielek ħadd: lil Ġesù Ewkaristija u l-maħfra tad-dnubiet.
Għal dawn is-sagramenti Ġesù jinqeda bis-saċerdot biex jitkellem hu. Is-saċerdot fuq il-ħobż ma jgħidx: dan hu l-ġisem ta’ Ġesù imma dan hu ġismi. Fuq il-kalċi s-saċerdot ma jgħidx: dan hu d-demm ta’ Ġesù imma dan hu demmi. Ġesù qed jinqeda bil-vuċi, bil-leħen tas-saċerdot, biex iwettaq f’kull quddiesa l-preżenza mqaddsa tiegħu.
Is-saċerdot, minkejja d-difetti tiegħu, jista’ jagħtik xi ħaġa li ma jista’ jagħtihielek ħadd: lil Ġesù Ewkaristija u l-maħfra tad-dnubiet.
Imbagħad is-saċerdot, hu u jagħtik l-Ewkaristija, jgħidlek: “Il-Ġisem ta’ Kristu, id-Demm ta’ Kristu”. Għax f’dak il-mument is-saċerdot, id-djaknu, il-ministru straordinarju qed iqassam id-don li rċevejna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu mill-artal. Imma meta qed isseħħ l-Ewkaristija s-saċerdot ma jibqax hu. Alla jinqeda bih biex jgħid: “Dan hu ġismi, dan hu demmi.”
Hekk ukoll meta s-saċerdot jaħfrilna dnubietna, jgħidlek: “Jien naħfirlek dnubietek,” min qed jgħidlek hekk? Alla qed jgħidlek hekk għax Alla biss jaħfer id-dnubiet. Is-saċerdot għandu l-qawwa mogħtija minn Alla u Alla jinqeda bil-leħen, bil-vuċi tas-saċerdot biex iserraħlek il-kuxjenza tiegħek u jnaddfek minn dnubietek: “u jiena naħfirlek dnubietek”. Allura aħna u nagħmlu att pubbliku ta’ qima lil Ġesù Ewkaristija, illum ejjew nitolbu għad-don tal-vokazzjonijiet għas-saċerdozju.
Nixtieq nitlob ukoll li f’din il-parroċċa jibqa’ jkun hawn mumenti ta’ adorazzjoni ta’ Ġesù Ewkaristija. Għandna diversi knejjes, żgħar u kbar, b’Ġesù fl-Ewkaristija. Ejjew ma nabbandunawhomx; Ġesù japprezza l-preżenza tagħna anke għal ftit minuti. Hemm il-Knisja ta’ San Pietru pereżempju, u ta’ Santa Katerina. Dak li jkun jidħol ftit quddiem Ġesù u jagħmel ftit ħin ta’ adorazzjoni.
Darba minnhom, il-Kurat D’Ars, San Ġwann Maria Vianney, daħal il-knisja u ra xwejjaħ fl-aħħar bank; kien Kattoliku żgur dan, għax aħna l-Kattoliċi dejjem nagħżlu l-aħħar bankijiet, u l-Kurat D’Ars, dan is-saċerdot qaddis Franċiż, innutah li ma kien qed jgħid l-ebda kelma u għalhekk staqsieh x’kien qed jagħmel. Qallu: ‘Sinjur, jien inħares lejh u Hu jħares lejja.’
Din kienet it-talba sempliċi ta’ dan ir-raġel twajjeb. Jidħol fil-knisja, joqgħod l-aħħar bank, iħares lejn it-tabernaklu u t-talba tiegħu kienet din: iħares lejn Ġesù u jħalli lil Ġesù jħares lejh. Għax it-talba mhux f’li ngħidu bil-fomm imma f’dak li joħroġ mill-qalb.
Mela meta tkun quddiem Ġesù Ewkaristija toqgħodx tinkwieta x’se tgħid. Abbli tmur fis-silenzju u jibdew jiġuk il-ħsibijiet kollha tad-dinja: it-tifel li għandu l-eżamijiet, it-tifla li għandha għarus u titlob lil Alla li ma tispiċċax biż-żieda qabel il-ħin, mhux tal-paga evidentament, u t-tfal li qedin jikbru, xi ħadd minnhom forsi jirrabjak. Inti fis-silenzju quddiem Ġesù jiġuk il-ħsibijiet kollha, tibżax imma poġġihom quddiem Ġesù.
Għidlu: ‘Ġesù dan għandi jien fil-qalb tiegħi: ir-rabja, il-frustrazzjoni, il-ferħ, l-inkwiet, il-gratitudni.’ Is-sentimenti kollha tiegħek poġġihom quddiem Ġesù Ewkaristija u għidlu: ‘Mulej il-qoffa din għandha llum. Issa qassam int, irranġa int, fejjaq int, farraġ int, ħares u kkonsla int.’ U dan id-djalogu ma’ Ġesù ħaj jimliena bil-faraġ, jimliena bit-tama u fuq kollox jagħtina paċi kbira.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Piet 2:2-5,9-12
Salm: 99 (100):2,3,4,5
L-Evanġelju: Mk 10:46-52