L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal!” Dan il-kliem li smajna lil Ġesù jgħidu fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù qalu meta kien imdawwar b’nies li kellhom moħħhom u qalbhom magħluqa għalih.
Dawn in-nies riedu sinjal. Imma fil-fatt, l-esperjenza ta’ Ġesù ma’ dawn in-nies kienet li qatt ma seta’ jġibha żewġ magħhom. Ftit qabel dan ir-rakkont, hemm il-ġrajja ta’ meta Ġesù keċċa xitan. U x’qalu huma? Dan qed ikeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten. Drabi oħra, Ġesù fejjaq lill-morda. U x’għamlu huma? Flok qalu “dawn huma sinjali”, daru kontrih. Kull darba li kien jagħmel xi ħaġa ta’ ġid, sab lil dawn in-nies flok japprezzaw is-sinjali tal-preżenza ta’ Alla, iktar iduru kontrih. Mhux ta’ b’xejn li fl-Evanġelju ta’ San Mattew, darba Ġesù qalilhom kelma iebsa ħafna: “Ja nisel il-lifgħat, kif tistgħu titkellmu tajjeb meta intom ħżiena?” (Mt 12:34)
X’sinjal riedu dawn? Aktarx li riedu xi ħaġa spettakolari, kbira, li tolqot l-għajn u li permezz tagħha n-nies jistagħġbu u ġġiegħel lin-nies jemmnu. Imma Ġesù qatt ma ġiegħel lin-nies biex jemmnu, u ma kienx dilettant tal-ispettakli, tal-affarijiet li joħolqu għagħa. L-istil tiegħu kien differenti ħafna. U hawn Ġesù jsemmi s-sinjal l-iktar importanti li kien se jagħti: is-sinjal tal-qawmien tiegħu. Għalhekk isemmi lil Ġona. Dak kien l-ikbar sinjal li seta’ jagħti – li mill-mewt iqum għall-ħajja ġdida. Kien sinjal li qatt ħadd ma kien jobsru. Imma, wara dan is-sinjal, xorta kien hemm dawk li ma aċċettawhx u ma emmnux.
L-Ewkaristija mhix xi ħaġa spettakolari, li toħloq ħafna għagħa. Hi l-aktar ħaġa sempliċi imma l-preżenza reali tiegħu. L-ikbar miraklu qiegħed hemm; mhux f’affarijiet oħra għandna nfittxu l-mirakli.
Għaliex hu importanti dan il-kliem għalina llum? L-ewwel nett għax ifakkarna li bħalma Ġesù kien imdawwar b’diversi nies li moħħhom u qalbhom magħluqa għalih, l-istess illum. Mhix xi ħaġa ta’ skantament din li jkun hemm diversi li moħħhom u qalbhom magħluqa għalih. Imma hu importanti wkoll dan il-kliem għalina li nemmnu f’Ġesù għax ifakkarna li l-fidi tagħna mhix mibnija fuq dak li hu spettakolari, fuq sinjali li joħolqu għagħa. Mhix mibnija fuq hekk il-fidi tagħna! U jekk aħna jkollna kultant dik it-tendenza – forsi hi tendenza tagħna l-bnedmin – li nfittxu dak li hu sensazzjonali, mhux hemm se nsibu fejn isserraħ il-fidi tagħna. Imma l-fidi tagħna sserraħ fuq Ġesù li hu ħaj, li rxoxta, li għeleb il-mewt. Fuq hemm hi mibnija l-fidi tagħna, u dik li ssejħilna biex aħna nemmnu u biex aħna ninbidlu fil-ħajja tagħna bħalma – kif semma’ Ġesù – in-nies ta’ Ninwè emmnu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona.
Ġesù jfakkarna wkoll f’dak li ħallielna bħala sinjal fostna tal-preżenza tiegħu: l-Ewkaristija. Għax l-Ewkaristija tgħinna biex nerġgħu ngħixu l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu. L-Ewkaristija hi l-preżenza ħajja ta’ Ġesù. U nnutaw: l-Ewkaristija mhix xi ħaġa spettakolari, li toħloq ħafna għagħa. Hi l-aktar ħaġa sempliċi imma l-preżenza reali tiegħu. L-ikbar miraklu qiegħed hemm; mhux f’affarijiet oħra għandna nfittxu l-mirakli. Isiru għeġubijiet oħra li huma sinjali wkoll tal-preżenza ta’ Alla, imma biex iressquna lejn Ġesù li hu ħaj. Għalhekk, tajjeb li kull darba li f’moħħna jkollna din ix-xewqa ta’ xi ħaġa spettakolari jew sensazzjonali, inħarsu lejn l-Ewkaristija u niftakru li dik hi l-preżenza reali ta’ Ġesù u hemm isejħilna biex aħna nemmnu fih li hu ħaj.
Nitolbuh biex aħna jkollna moħħna u qalbna miftuħa għalih, u biex hu dejjem jgħinna ħalli nagħrfuh preżenti ħaj fostna, u permezz tal-għajnuna li jagħtina hu, nagħrfu l-preżenza tiegħu fl-istorja ta’ ħajjitna u fl-istorja tad-dinja llum.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju