L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Wieħed mir-ritratti l-iktar espressivi li kien hawn f’dawn l-aħħar ġimgħat fuq il-media soċjali, li għandu x’jaqsam mal-Knisja, kien ta’ raġel għarkubbtejh quddiem bieb magħluq ta’ knisja, iħares lejn il-bieb. Min qiegħdu fuq il-media soċjali kellu l-iskop li juri d-diżappunt li l-knejjes, għal dawn l-aħħar ġimgħat, ma kinux qed jilqgħu nies għal ċelebrazzjonijiet liturġiċi, il-kongregazzjoni ma kinetx qed tiltaqa’ fil-knisja.

Ma nafx jekk dak ir-ritratt itteħidx Malta jew barra minn Malta. Jekk hu Malta, naturalment hu meħud f’ħin li l-knisja kienet magħluqa għax, kif nafu aħna, diversi knejjes kienu miftuħin lesti biex jilqgħu n-nies biex joqogħdu għarkupptejhom iqimu lil Ġesù. Anke t-tqarbin, ma kienx hemm għalfejn wieħed iħabbat fuq il-bieb, imma kien hemm ukoll okkażjonijiet fejn min kien f’kundizzjoni li jiġi, seta’ jiġi u ried jiġi, kellu l-possibbiltà li jirċievi l-Ewkaristija.

Esperjenza ta’ weġgħa

Imma hu veru li aħna għandna din l-esperjenza diffiċli għal kulħadd, għalina lkoll, li hi esperjenza ta’ weġgħa li ma nistgħux nitlaqgħu flimkien għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, bħalma hi l-quddiesa; speċjalment f’dawn il-ġranet tat-Tridu tal-Għid meta bħal-lum proprju niċċelebraw it-twaqqif tal-Ewkaristija, u mbagħad iċ-ċelebrazzjonijiet l-oħra li jwassluna sa Ħadd il-Għid, iċ-ċelebrazzjoni tar-rebħa ta’ Ġesù. Hi weġgħa.

Imma hi weġgħa li aħna lesti li nsofru għax għalina l-protezzjoni tal-ħajja tiġi l-ewwel. Il-protezzjoni tal-ħajja ta’ kull persuna tiġi l-ewwel. Għalhekk lesti li ngħaddu minn din il-weġgħa biex nipproteġu lin-nies minn uġigħ ieħor, biex aħna nkunu tajna l-kontribut tagħna għall-protezzjoni sħiħa tal-ħajja. Dak kollu li ngħidu bħala Knisja kontinwament, u bir-raġun, li l-ħajja għandha tiġi mħarsa, aħna qed nuru kemm inqisuh tassew dan il-kliem billi lesti li nagħmlu dan is-sagrifiċċju, li għalina hu kbir, li ma nitlaqgħux flimkien fil-knisja.

Ħamis ix-Xirka tfakkarna fit-twaqqif tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju. Jien nixtieq li nħarsu ftit lejn il-messaġġ li tagħtina speċjalment fiċ-ċirkustanzi partikulari li qed ngħixu f’daż-żmien ta’ pandemija.

Għotja mimlija mħabba

X’turina l-Ewkaristija? L-ewwel nett, l-Ewkaristija hija sinjal mill-isbaħ, l-ikbar sinjal li ħallielna fostna l-Mulej tal-imħabba kbira tiegħu lejna. L-imħabba tfisser għotja, u l-Ewkaristija tfisser ħajja ta’ għotja. Innutaw il-kliem li smajna fl-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, li hu l-kliem tal-konsagrazzjoni li ngħidu: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom.” Dak hu l-kliem li qal Ġesù, u li jagħti t-tifsira tal-Ewkaristija li tfisser għotja.

Araw x’għamel Ġesù, kif smajna fl-Evanġelju skont San Ġwann, li jġib ir-rakkont tal-ħasil tas-saqajn, filwaqt li l-Evanġelji l-oħra jġibu t-twaqqif tal-Ewkaristija. Imma għaliex? Għaliex anke hemmhekk għandna l-isbaħ eżempju ta’ għotja, ta’ Ġesù li jagħti lilu nnifsu, meta jinżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Hemmhekk għandna t-tifsira tal-ħajja kollha ta’ Ġesù, u għadna t-tifsira tal-mewt ta’ Ġesù. Għalhekk l-Ewkaristija, meta niċċelebrawha bħala għotja, tfakkarna dak li tfisser il-ħajja ta’ Ġesù: l-ikbar għotja ta’ mħabba ta’ Alla lejna.

Kif Alla jħobb

Imbagħad, b’dak il-ġest li għamel tal-ħasil tas-saqajn, li llum ma nistgħux nirrepetu fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu bħalissa imma li ta’ kull sena normalment narawh ripetut f’din iċ-ċelebrazzjoni, Ġesù fehemna x’jiġifieri l-imħabba. Xi tfisser l-imħabba għal Ġesù, hu li hu l-wiċċ veru ta’ Alla? Innutaw x’jagħmel meta jinżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. 

Juri li l-imħabba hi personali. Jinżel jaħsel saqajn dixxiplu dixxiplu. Seta’ qalilhom f’daqqa, bħalma qalilhom diversi drabi u bħalma kien jurihom li jħobbhom, imma niżel jaħsel saqajn wieħed wieħed.

Juri li l-imħabba hija mingħajr kundizzjoni. Ġesù ma qagħadx jistenna xi ħaġa mingħandhom, u ħabbhom sal-aħħar, kif smajna fl-Evanġelju.

Ġesù jurina li l-imħabba tfisser ukoll maħfra. Fil-mument li hu niżel jaħsel saqajn dixxiplu dixxiplu, kien diġà jaf – għax hu kien jaf x’hemm fil-qalb tal-bniedem –  li kien hemm wieħed se jittradih, u l-ieħor se jiċħdu, u dawk l-oħrajn li qed jaħslilhom saqajhom kważi kollha se jlebbtu ’l hemm, u jħalluh waħdu. U niżel jaħsel saqajn kull dixxiplu biex juri li l-imħabba tfisser maħfra.

L-imħabba tfisser purifikazzjoni. Hu u jaħsel is-saqajn ta’ kull dixxiplu, ried juri li meta veru tħobb, l-imħabba tippurifika. Iġġib dak li hu sabiħ u nadif.

U l-imħabba tfisser is-servizz sħiħ, il-qadi, bl-iktar mod umli kultant, bħalma wriena Ġesù. Hu li, kif jgħidilna l-Evanġelju, kellu kollox f’idejh, u mingħand Alla kien ġej u għand Alla kien sejjer, niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu.

Għalhekk għandna din it-turija kbira ta’ mħabba, mimlija ġentilezza, kif jgħid il-Papa, mimlija tenerezza. L-imħabba vera li wriena Ġesù.

Hekk tagħmlu intom ukoll

Imbagħad x’qal lid-dixxipli? Qalilhom li hu jixtieq minnhom, irid minnhom, l-istess li għamel hu. U nnutaw ir-rabta li għamel Ġesù fil-kliem tiegħu bejn l-Ewkaristija u l-ħajja ta’ vera mħabba li tfisser għotja. Meta waqqaf l-Ewkaristija, qal “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. U meta niżel jaħsel saqajn id-dixxipli, qalilhom: “Jien tajtkom eżempju biex, kif għamilt jien, hekk tagħmlu intom ukoll.” Għalhekk, waħda u l-oħra jrid minna Ġesù. Dak li jfisser il-ħasil tas-saqajn mhuwiex biss għaċ-ċelebrazzjoni tal-lum, li soltu jkollna r-rappreżentazzjoni tagħha, imma hija l-ħajja tagħna li trid tkun hekk, biex verament ngħixu l-Ewkaristija li aħna niċċelebraw.

Irridu l-ewwel nett nirċievu l-imħabba mingħandu biex ngħadduha lill-oħrajn kif iridna Ġesù. Innutaw x’jagħmel ma’ Pietru li ma ridux jaħsel saqajh, għaliex Pietru ma riedx jaċċetta li l-Imgħallem jinżel jaħsel is-saq     ajn. Ġesù riedu jaċċetta l-imħabba ta’ Alla kif Alla jagħtihielna. Għaliex li aħna nagħrfu li aħna maħbuba minn Alla hi tant importanti biex nistgħu mbagħad nuru l-imħabba lejn l-oħrajn.

L-imħabba fiż-żmien ta’ pandemija

U llum aħna msejħin biex nuruha fir-realtà li qed ngħixu bħalissa. Jekk aħna ma nistgħux niltaqgħu flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, ma jfissirx li għandna nkunu maqtugħin min-nies, imma anzi li nsibu mezzi oħra kif inwasslulhom l-imħabba tagħna. Insibu mezzi kif l-Ewkaristija ngħixuha fil-prattika, b’mod konkret, ma’ dawk kollha li huma f’xi bżonn, dawk li għaddejjin minn tbatija, dawk li huma morda, dawk li għandhom l-ansjetà, dawk li huma waħedhom jew iżolati. Aħna nafu li hemm modi differenti kif nistgħu nuruha din l-imħabba, imma msejħin biex nuruha. Ġesù jsejħilna biex f’dawn iċ-ċirkustanzi nsibu mezzi oħra kif inħobbu, u nuru l-imħabba kif għallimna hu – imħabba li tfisser attenzjoni personali, ġentilezza, tenerezza, għotja; li tfisser li naħsbu f’dawk li b’xi mod jew ieħor huma neqsin minn din l-imħabba f’dan iż-żmien diffiċli li qed ngħixu fih.

Saċerdoti strumenti tal-imħabba ta’ Alla

Ilum niftakru wkoll fit-twaqqif tas-saċerdozju li għamel Ġesù fl-Aħħar Ċena. Illum niftakru ħafna fis-saċerdoti. Nitolbu biex inkunu strumenti ta’ din l-imħabba ta’ Alla. Nitolbu għalina lkoll, għas-saċerdoti kollha, biex fina n-nies jaraw l-imħabba ta’ Alla; biex meta jiltaqgħu magħna, li jibqa’ fihom ma jkunx aħna personalment, imma li jibqa’ fihom hi esperjenza tal-imħabba ta’ Alla. Għalhekk nitolbu ħafna llum għas-saċerdoti, għall-vokazzjonijiet saċerdotali.

Nitolbu biex il-Mulej jgħinna nkunu rgħajja skont il-qalb tiegħu, ħalli aħna dak li niċċelebraw ngħixuh, u ħalli l-eżempju li tana llum meta qal “jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien, hekk tagħmlu intom ukoll” ngħixuh tassew, u n-nies jarawh u jkun mezz kif iressaqhom lejn Alla. U nitolbuh wkoll għall-Knisja kollha, speċjalment biex il-Knisja tkun komunità fejn kulħadd ikun “milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-Evanġelju” (Il-Ferħ tal-Evanġelju, 114).

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju