L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Irid sinjal” (Lq 11:29). Dan hu li jgħid Ġesù fuq nies li jsejħilhom “nisel ħażin”. Mal-ewwel jolqotna kemm dan huwa kliem iebes. Għaliex qed jitkellem b’dal-mod Ġesù? Għax dawn in-nies li riedu sinjal kellhom, fil-fatt, tant sinjali fil-ħajja ta’ Ġesù. Jekk aħna naqraw qabel din is-silta skont San Luqa, anke l-kapitli ta’ qabel, naraw diversi mirakli li għamel Ġesù – kien hemm wieħed li ħelsu mix-xitan, ieħor minn spirtu mniġġes, fejjaq il-morda, u tant sinjali oħra. U dawn, għan-nies li qed jitkellem fuqhom Ġesù, ma kinux biżżejjed. Iridu sinjal.

Dawn in-nies kellhom qalbhom magħluqa għall-kliem ta’ Ġesù, għal dak li jgħid u għal dak li jgħallem. Fil-fatt, mal-ewwel nistgħu norbtu dan ma’ dak li smajna fil-versett ta’ qabel l-Evanġelju: “Illum la twebbsux qalbkom, imma isimgħu leħen il-Mulej” (ara Salm 95:8) Dawn kienu nies li webbsu qalbhom. U riedu sinjal mhux bħalma kien jagħmel Ġesù, li fil-ministeru tiegħu man-nies dejjem ifittex il-ġid tagħhom u mingħajr ħafna storbju u fanfarunati. Dawn riedu sinjal spettakolari, minn dawk li jolqtu mal-ewwel l-għajn u jgħaġġbu lin-nies. Kienu aktar moħħhom f’sinjal li jgħaġġibhom, milli sinjal li jitlob minnhom konverżjoni, bidla – bħalma kien jagħmel Ġesù li jgħaqqad il-mirakli mal-Kelma li tfisser li bniedem jissaħħaħ fil-fidi u, fejn hemm bżonn, jikkonverti.

Għalhekk Ġesù jgħid li kellhom sinjali, u jsemmi dawk iż-żewġ episodji mit-Testment il-Qadim – tas-Sultana tan-Nofs inhar li ġiet biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun, u semgħetu, ġiet mill-bogħod biex tisimgħu u semgħetu; u ta’ Ġona li man-nies ta’ Ninwè ppriedka. Ma għamilx mirakli, imma ppriedka u semgħuh. Qed jgħid lin-nies: ara dawn taw każ, imma intom ma tajtux każ. Għalhekk il-messaġġ importanti li jagħti lilna Ġesù llum huwa dan: li aħna għandna s-sinjali diġà, għandna l-Kelma tiegħu li lilna ġġibilna l-ħajja, u ma għandniex inwebbsu qalbna għall-Kelma tiegħu.

Imbagħad, meta Ġesù jsemmi lil Ġona hawnhekk, qed jirreferi għall-aqwa sinjal li tana Ġesù. L-aqwa sinjal huwa proprju l-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Dak hu s-sinjal definittiv li Ġesù ħabbru minn qabel. U nafu li meta Ġesù għadda minn dan kollu u qam għal ħajja ġdida, meta rxoxta, xorta kien hemm min ma tax każ, u min dar kontrieh ukoll. Għaliex? Għax jekk int tagħlaq widnejk għall-Kelma ta’ Alla, u għajnejk għas-sinjali li jagħtik hu, imbagħad lanqas meta jagħtik l-akbar sinjal tal-qawmien mill-mewt ma tagħti każu. 

Imma dak hu l-messaġġ li jagħti lilna: aħna llum għandna l-aqwa sinjal – Ġesù ħaj, Ġesù li rxoxta, li niċċelebrawh speċjalment fl-Ewkaristija. Għax l-Ewkaristija hija ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Għandna l-aqwa, għandna l-aħjar. Ma għandniex għalfejn niġru wara sinjali oħra. Dan hu messaġġ ukoll għalina, għax kultant jiġri, anke fostna li nemmnu, li għalkemm għandna l-aqwa u l-aħjar li tana Ġesù, qisna niġru wara sinjali oħra. Per eżempju, jekk xi ħadd jgħid li qed jara ċerti viżjonijiet minn fuq xi għolja jew f’xi wied, ngħidu: ħa nara x’qed jagħmel dak, jew x’qed tagħmel dik. Qisu ninġibdu ma’ dawn is-sinjali li jidhru qishom spettakolari. Issa fl-Istorja tal-Knisja kien hemm viżjonijiet veri, bħalma kien hemm ukoll allegazzjonijiet ta’ viżjonijiet li ma kinux fil-fatt veri imma kienu foloz; kien hemm mumenti meta kienet il-Kelma ta’ Alla jew ta’ Ommu Marija, imma kien hemm ukoll min immaġinahom l-affarijiet. 

Il-biċċa hija li kull sinjal speċjali jikkonferma dejjem dan is-sinjal li tana Ġesù, jiġifieri: l-aqwa sinjal li Ġesù hu ħaj. Għalhekk ma għandna nħallu ebda viżjonijiet jew affarijiet oħra jfixkluna milli noqogħdu quddiem l-Ewkaristija, u niċċelebraw l-Ewkaristija, li għalina tibqa’ dejjem l-ikbar, l-aqwa, l-isbaħ sinjal li Alla jagħtina. Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: li aħna qatt ma nwebbsu qalbna imma nilqgħuh, u li nagħrfu dan is-sinjal sabiħ, li lilna mbagħad jagħtina tassew dawl għall-ħajja tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta