L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kemm hi ħaġa sabiha li b’ferħ kbir inkun nista’ nintroduċi lilkom, għeżież membri tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex, dawn l-10 presbiteri ġodda, dawn l-għaxart irġiel li fid-29 ta’ Ġunju jiena kelli x-xorti nordna saċerdoti. U ħaġa sabiħa li bdejna propju bl-introduzzjoni tal-ewwel wieħed minnhomn waqt li nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù: “Itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Mt 9:38). 

Dan il-mument fl-Evanġelju ta’ San Mattew jurina wkoll Ġesù kemm iħoss għall-poplu tiegħu. L-ewwel nett fejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. “Ra n-nies u tħassarhom għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9:36). Il-verb li San Mattew juża ‘tħassarhom’ huwa verb qawwi ħafna. Ġesù jitqanqal fil-vixxri tiegħu meta jara n-nies li huma konfużi, imdejqa imma wkoll mingħajr tmexxija, “mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj”.

Minn hawnhekk nifhmu li r-ragħaj huwa don ta’ Alla għall-poplu tiegħu, li r-ragħaj huwa mibgħut mhux biss biex ixandar il-Kelma imma biex ukoll ikun il-ħarsa u l-id tal-Mulej li tfejjaq. Bħalma għedtilhom meta ġew ordnati saċerdoti, il-Knisja hi u titlob għalikom u aħna u nikkonsagraw idejkom, ma nikkonsagrawhomx biex tgaraw il-ġebel imma biex tkunu l-idejn li bihom il-Mulej iħaddan ma’ qalbu l-poplu tiegħu b’mod speċjali l-fqajjar u l-batut.

Ġesù jilliberana mill-ħakma tax-xitan permezz tal-ħniena tiegħu, permezz tal-ħarsa tiegħu li titħassarna mhux għax aħna bla tama imma għaliex hu għandu l-qawwa jtaffi l-ġerħat tagħna u jagħtina wkoll f’ismu ragħajja skont il-qalb tiegħu.

Hekk smajna fil-versett tal-hallelujah: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb” jgħid il-Mulej, “jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10:14). Jekk hemm xi ħaġa importanti li r-ragħaj għandu jifhem, huwa l-ewwel nett li l-merħla mhix tiegħu u li waqt li huwa ragħaj jibqa’ nagħġa li tagħraf lil Ġesù u li hu ta’ Ġesù.

Ejjew nitolbu li aħna jkollna ragħajja kif jixtieq il-Mulej, ragħajja li filwaqt li huma mibgħuta biex iwasslu l-ħniena tiegħu, jibqgħu ukoll dixxipli li għandhom bżonn il-ħniena tal-Mulej.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ħos 8, 4-7.11-13
Salm: 113 B (115), 3-4.5-6.7ab-8.9-10
Evanġelju: Mt 9, 32-38

More Photos >>