Għada l‑Erbgħa, 26 ta’ Frar 2020, il‑Knisja tagħti bidu għar‑Randan Imqaddes: 40 jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑Passjoni, il‑Mewt u l‑Qawmien mill‑mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Bi tħejjija għaż-żjara tal-Papa Franġisku fostna f’Pentekoste, din is-sena l-Isqfijiet qed iħeġġu lill-Insara biex jirriflettu wkoll fuq it-tagħlim tal-Papa, b’mod partikolari fuq l-ewwel Eżortazzjoni Appostolika tiegħu ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Evanġelju). Din l-eżortazzjoni tfakkarna li l-ferħ veru jinstab fil-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt, li jfejjaq minn kull xorta ta’ mard personali u fil-komunitajiet tagħna, u għalhekk dawk li jduqu mill-fejqan u l-ferħ tiegħu jimtlew bil-ħeġġa biex ixandruh ma’ kulħadd.
Għalhekk, fil‑messaġġ tiegħu għar‑Randan ta’ din is‑sena, il‑Papa Franġisku ħeġġeġ ukoll lill‑Insara biex iħejju lilhom infushom għall‑misteru tal‑mewt u l‑irxoxt ta’ Ġesù, li hu l‑pedament tal‑ħajja nisranija, u biex kontinwament jirritornaw għal dan il‑misteru ta’ mħabba infinità għal kull bniedem.
Matul ir‑Randan, il‑Knisja tħeġġeġ lill‑Insara biex jaqraw il‑Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis‑sagramenti u jattendu l‑eżerċizzi spiritwali. Il‑Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir‑Randan u nhar il‑Ġimgħa l‑Kbira, kull min għalaq it‑18‑il sena u għadu ma daħalx fis‑60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d‑dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l‑14‑il sena għandu l‑obbligu jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna. Filwaqt li tinkuraġġixxi l‑penitenza fi żmien ir‑Randan, il‑Knisja tixtieq tfakkar li fost il‑jiem u ż‑żminijiet tal‑penitenza hemm il‑jum tal‑Ġimgħa matul is‑sena kollha.