Sr Antoinette Pace – persuna maħbuba ferm minn ħafna hekk kif ħajjitha ddedikata għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Il-Ħamis 16 t’Ottubru Sr Antoinette ngħatat l-aħħar tislima fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. Hi kienet imfakkra minn Fr Eric Cachia, Superjur Provinċjali tas-Salesjani f’Malta waqt l-omelija tiegħu bħala dik il-persuna li ma spikkatx minħabba l-kliem sabiħ tagħha jew għax tkellmet b’xi qawwa tan-nar, iżda spikkat għall-imħabba tagħha fil-qlub ta’ ħafna.

Sr Antoinette ddedikat ħajjitha, ‘il fuq minn 50 sena, għal ħaddieħor, b’mod speċjali fit-tgħalim tat-tfal u ż-żgħażagħ hekk kif kienet għalliema, omm spiritwali, u ħabiba.

Hija kienet magħrufa bħala dik il-persuna li kienet tara l-iskola bħala l-ġuf spiritwali tagħha fejn welldet qlub tajbin u minkejja li kienet timxi b’id soda, dejjem għamlet dan bi ħlewwa liema bħalha. Fil-fatt, hi dejjem sfidat lill-istudenti biex jikbru, iżda dan qatt m’għamlitu bil-biża’ iżda b’determinazzjoni.

Fl-aħħar jiem tagħha fostna, Sr Antoinette kienet innotata li l-ikbar urġenza għaliha ma kinitx li titlaq mill-isptar iżda li terġa’ tingħaqqad mal-komunità reliġjuża tagħha.

Sr Antoinette mietet ftit sigħat qabel għeluq sninha, “bil-Mulej li taha l-aqwa rigal hekk kif laqagħha b’daru għall-ħajja eterna”.

“Il-ferħ sat-tmiem, il-virtù sal-aħħar nifs”

Fr Eric Cachia

F’intervista li kienet saret waqt il-programm Għawdex Jitkellem fuq RTK103, Sr Antoinette kienet qalet li hi qatt ma kellha f’moħħha li tidħol bħala soru iżda eventwalment bdiet bil-preparazzjonijiet għal din is-sejħa.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Christine Mamo