• *****

    Direttur: Alejandro Gonzalez Inarritu

    Atturi: Leonardo DiCaprio, Tom Hardy, Domhnall Gleeson

    Ħin: 156 minuti

    Klassifika tal-Gvern: 15

    Klassifika tal-Knisja: 15

    Fl-1823 Hugh Glass, esploratur u negozjant tal-fur, jissieħeb ma’ espedizzjoni, immexxiha minn Capt. Andrew Henry, għal-għonq ix-xmara Missouri biex jaqbdu l-beavers u jeħdulhom il-ġild prezzjuż tagħhom; matul l-espedizzjoni jkollhom jiffaċċjaw il-kesħa  tax-xitwa u l-attakki frekwenti mill-Amerikani Nattivi. Glass jissimpatiżża ma’ dawn ta’ l-aħħar għax kien iżżewweġ mara Pawnee li ġiet maqtula minn suldat Amerikan; minn dik il-mara kellu tifel ta’ razza mħallta jismu Hawk u li jkun miegħu fl-espedizzjoni. Glass jiġi attakkat minn ors li, għalkemm jirnexxilu jeħles minnu, jħallih nofsu mejjet, bla ħila li jiċċaqlaq jew jitkellem. Filwaqt li l-oħrajn imorru jfittxu l-għajnuna, tlett voluntiera jibqgħu miegħu, John Fitzgerald, Jim Bridger, u ibnu Hawk. Fitzgerald ikun bla paċenzja, għax l-inċident ta’ Glass kien ta’ tfixkil għal pjanijiet li kellu li jaqbad ħafna beavers u jagħmel kemxa flus mhux ħażin; għalhekk jiddeċiedi li jeħles minn Glass biex ikunu jistgħu jkomplu bl-espedizzjoni. Hawk ma jħalliħx joqtol lil missieru imma Fitzgerald joqtlu, jitfa’ lil Glass nofsu mejjet ġo qabar baxx u jitlaq. Glass, iżda, jirrifjuta li jċedi l-armi, jitkaxkar minn ġol-qabar, u jibda mixja ta’ 200 mil ifittex lil Fitzgerald biex jieħdu quddiem il-ġustizzja u jivvendika ruħhu għal qtil ta’ ibnu. B’hekk hu jsir revenant, jiġifieri wieħed li jerġa lura mill-mewt.

    Film drammatiku, adattat mill-ktieb ta’ Michael Punke: The Revenant: A Novel of Revenge (2002). Film qawwi imma li jżommok fuq ix-xwiek, b’reċtar tajjeb ħafna u xeneġġjatura mill-isbaħ. Fih messaġġi pożittivi dwar il-maħfra. Il-film fih xeni qawwija ta’ vjolenza u dmija, xi nudita’, u ħafna kliem ħażin. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.