• ***

    Direttur: Adam McKay

    Atturi:  Christian Bale, Steve Carell, Ryan Gosling, Brad Pitt

    Ħin: 132 minuti

    Maħruġ minn KRS Releasing Limited.

     

    Klassifika tal-Gvern: 15

    Klassifika tal-Knisja: 18

    Film dwar għadd ta’ individwi differenti ħafna minn xulxin li, kuntrarju għal biċċa l-kbira ta’ l-analisti finanzjarji, irnexxilhom jaraw minn qabel il-waqa tas-suq tal-propjeta’ fl-Amerika. Fiċ-ċentru ta’ l-azzjoni nsibu żewġ persuni, it-tnejn li huma eċċentriċi: Michael Burry, tabib li sar manager brillanti tal-flus, u Mark Baum, amministratur tal-fondi ċiniku u li jitlagħlu malajr. Kontrarju għal kważi kullħadd f’Wall Street, Burry jeżamina metodikalment in-numri attwali wara l-boom tal-mortgage u jiskopri li l-industrija tal-bini tkun qedha fil-periklu li tiġġarraf u tiġbed kollox magħha. Il-bankier Jared Vennett isir jaf b’dak li skopra Burry u jgħarraf lil Baum, li jagħmel stħarriġ hu stess u jasal għall-istess konklużżjoni ta’ Burry. Meta Jamie Shipley u Charlie Geller, sħab f’aġenzija żgħira tal-investiment, isiru jafu b’dak li skopra Burry jibdew ifittxu li jipprofittaw ruħhom minn dik l-informazzjoni u jitolbu l-għajnuna ta’ Ben Rickert li billi qabel kien jaħdem f’Wall Street ikollu kemm esperjenza u kemm konnessjonijiet importanti. Minkejja oppożizzjoni qawwija kemm mill-klijenti u kemm mill-kollegi tagħhom, dawn is-sitta minn nies imorru kontra l-kurrent u jinvestu kollox fuq il-fatt li l-industrija tal-bini se tfalli. Meta dan jibda jseħħ kull ma jagħmlu huwa li jibqgħu sodi fil-konvinzjoni tagħhom filwaqt li l-oħrajn jibdew jimmanipjulaw l-affarijiet biex  jipprovaw iwaqqfu l-falliment li kien inevitabbli.

    Film drammatiku, ibbażat fuq il-ktieb ta’ Michael Lewis: The Big Short: Inside the doomsday machine (2010), dwar dak li verament wassal għal kriżi finanzjarja li bdiet fl-2007. Il-film jieħu biss ftit minn nies li jsemmi Lewis fil-ktieb tiegħu. Il-film joffri għadd ta’ karattri interessanti li jaħdmu taħt pressjoni kbira u reċtar mill-aqwa, kif ukoll spjegazzjoni pjaċevoli tal-fatturi ekonomiċi li wasslu għal crash. Il-film juri kemm nies isofru minħabba tant korruzzjoni mifruxa ma’ kullimkien. Il-film fih xeni ta’ nudita’ fi strip-club, referenza għal suwiċidju, u ħafna kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.