L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut” (Ġw 11:21). Marija, bħal Marta oħtha, hija mnikkta minħabba l-mewt ta’ ħuhom Lazzru. Tirrepeti l-istess kliem li kienet qalet l-istess oħtha ftit qabel: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut” (Ġw 11:32).
Dawn il-ġranet meta kuljum nisimgħu b’aħbarijiet kiefra ta’ nies imutu bla ħtija minħabba virus qerriedi, forsi tiġina wkoll din il-mistoqsija quddiem Alla: ‘imma inti hawn?’ Min jaf kemm ulied li tilfu l-ġenituri tagħhom fl-Italja, fi Spanja, jagħmlu din l-osservazzjoni quddiem il-Mulej: ‘kieku kont hawn!’ U din hija l-mistoqsija li lill-Mulej triegħxu. “Ġesù kif ra lil Marija tibki u lil-Lhud li ġew magħha jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. ‘Fejn qegħedtuh?’ staqsihom. Huma weġbuh: ‘Mulej, ejja u ara’ ” (Ġw 11:33-34).
Għal dan il-kliem isegwi l-iqsar vers li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, il-vers 35 ta’ dan il-kapitlu 11, li fih 3 kelmiet weħidhom, għalihom. “U Ġesù beka” (Ġw 11:35). Kien konxju li huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, kien konxju mill-missjoni tiegħu. Kien għadu kemm qal lil Marta li ħarġet tilqgħu: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix. U kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” (Ġw 11: 25-26).
Għalkemm kien konxju mis-setgħa tiegħu fuq il-mewt, quddiem il-bikja tal-umanità ta’ dawn ħbieb tiegħu Marta u Marija, u tal-ħbieb tagħhom li ġew magħhom jibku wkoll, Ġesù “ħass ruħu titqanqal u tħawwad ħafna”
Għalkemm kien konxju mis-setgħa tiegħu fuq il-mewt, quddiem il-bikja tal-umanità ta’ dawn ħbieb tiegħu Marta u Marija, u tal-ħbieb tagħhom li ġew magħhom jibku wkoll, Ġesù “ħass ruħu titqanqal u tħawwad ħafna” (Ġw 11:33). Għandna għalfejn nagħtu tort lil xi ħadd li quddiem is-sofferenza li għaddejjin minnha? U qed niftakar f’tant anzjani, nies vulnerabbli li hemm bżonn joqogħdu fid-djar tagħhom dawn il-jiem għas-saħħa tagħhom – tagħti tort lil xi ħadd jekk l-Iben ta’ Alla tqanqal u tħawwad, nitqanqlu u nitħawwdu aħna?
“U Ġesù beka” (Ġw 11:35). Ġesù jibki bħala bniedem imma jagħti r-risposta wkoll li jaf jagħti Alla. “Oħroġ, Lazzru oħroġ” (Ġw 11:43). Aħna ħafna drabi nippretendu li din il-kelma tfisser li toħroġ barra u kemm nixtiequ nagħmlu hekk dawn il-ġranet! Illum forsi Ġesù jgħidilna: ‘oqgħod ġewwa’ mhux oħroġ. Imma min jaf kemm għandna faxex u mkatar ma’ wiċċna li aħna għandna bżonn waqt li noqgħodu fi djarna, ninħallu minnhom. Ġesù jixtieq li nieħdu ħsieb saħħitna allura mhux se jgħidlna: ‘oħroġ illum’ imma ‘oqgħod ġewwa’. Imma qed jgħidilna biex noħorġu mill-fosdqa tagħna li aħna kabbarna matul is-snin, forsi anke xi għamad fuq wiċċna li bih m’aħniex kapaċi naraw il-wiċċ tiegħu fil-proxxmu u lilna wkoll qed jgħidilna: “Ħolluh, ħollulu l-faxex, ħalluh imur” (Ġw 11:44).
Il-qawmien ta’ Lazzru huwa xhieda tal-qawwa ta’ Ġesù li tgħaddi wkoll fil-Knisja tiegħu. It-Testment il-Ġdid jagħtina dan ir-rakkont u jagħtina wkoll qawmien li l-Mulej wettaq permezz ta’ Pietru u anke permezz tal-Appostlu Missierna Pawlu. Dawn id-dixxipli li jingħataw l-istess qawwa li kellu l-Imgħallem fuq il-mewt. Ħmistax oħra aħna se niċċelebraw r-rebħa ta’ Ġesù fuq il-mewt. Dan l-avveniment Ġesù jsejjaħlu mod kif huwa juri “Il-glorja ta’ Alla” (Ġw 11:40). Imma din il-konsapevolezza, din ir-rieda ta’ Ġesù li tisboq u hija aqwa mill-mewt, ma tfissirx li Ġesù ma jinkeddx, ma jitħawwadx u ma jibkix meta aħna nsofru, meta aħna nibku, meta aħna nitħawwdu. Irid iqawwina b’fidi partikolari. Qed jitlob minna li nemmnu li huwa l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja imma qed jitlob minna wkoll il-fidi fih bħala rebbieħ fuq il-mewt.
“Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (Ġw 11:25-26). Dawn huma l-kliem li l-Knisja tfakkarna kull meta aħna nidfnu lil xi ħadd għażiż għalina. Huma l-kliem li s-saċerdoti tagħna qegħdin ilissnu ħdejn l-oqbra tal-għeżież tagħna li, minħabba fiċ-ċirkustanzi, mhux qed ikollna possibbiltà nsellmulhom kif nixtiequ fil-knejjes tagħna bl-Ewkaristija tal-funerali.
Imma dan il-kliem jibqa’ jidwi fit-tislima tagħna lilhom: “Kull min jemmen fija” jgħid Ġesù, “ukoll jekk imut, jgħix u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (Ġw 11:25-26). Il-mistoqsija li jagħmlilna Ġesù llum hija dik li jagħmel lil Marta: “Temmnu inti dan?”. “Iva, Mulej, jiena nemmen” (Ġw 11:26-27).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 37, 12-14
Salm: 129 (130), 1-2.3-4ab.4c-6.7-8
Qari II: Rum 8, 8-11
Evanġelju: Ġw 11, 1-45