Ix-xogħol fuq il-proġett ta’ restawr tal-kunvent ta’ Santu Wistin qed joqrob lejn tmiemu. Ix-xogħlijiet li saru jinkludu r-restawr u l-konservazzjoni tal-erba’ faċċati tal-kunvent, it-tħaffir arkeoloġiku ta’ parti mill-bitħa u l-installazzjoni ta’ lift li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Permezz ta’ dan il-proġett, ġiet irriġenerata binja estensiva li kienet ilha biex tiġi rrestawrata b’mod sinifikanti minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, li matulha ġġarrfu partijiet sostanzjali. Parti minn din il-binja se tinbidel f’Ċentru ta’ Interpretazzjoni tal-Komunità.
Il-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Augustina (FSKAA) qiegħda tmexxi x-xogħlijiet fuq dan il-proġett b’investiment ta’ €2.3 miljun, li minnhom €1.5 miljun huma fondi Ewropej mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żar it-tielet u l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett u qal li permezz ta’ dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ il-wirt storiku tal-Belt Kapitali u jtejjeb l-ambjent kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-Beltin u l-prodott turistiku.
Il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin, Patri Alexander Cauchi qal li dan hu proġett li tibbenefika minnu il-komunità kollha. Sostna li dan il-proġett ikompli jsaħħaħ l-investiment fir-riġenerazzjoni soċjali u turistika-kulturali tal-Marsamxett u ’l madwar.
Il-Provinċjal Patri Leslie Gatt żied jgħid li “bħala provinċja, f’dawn l-aħħar snin impenjajna ruħna sabiex inħarsu l-patrimonju li ġie mgħoddi lilna tul is-snin minn dawk kollha li għexu qabilna, u ta’ kull forma ta’ arti, minn mużika sa pitturi u arkitettura. L-iskop li l-ispazji tagħna jkunu miftuħin hu dejjem bl-għan li nilħqu aħjar il-komunità u ngħinuha tikber b’mod ħolistiku.”
Sors: Newsbook Malta