L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jagħtina riċetta sabiħa għal qalb safja. Mhix kwistjoni ta’ kif nidhru, mhix kwistjoni ta’ x’jaħsbu fuqna n-nies. Dak kollu hu li jidher minn barra, imma hu l-qalb, il-qalb li Alla jafha, jaraha. Ħin minnhom jgħid: “U Missierkom li jara fil-moħbi, iroddulkom”. “Agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, minn qalbek u taraw kif kollox ikunilkom nadif” (Lq 11:41).
L-Iskrittura wkoll tgħid li l-imħabba, il-karità, l-għajnuna lill-fqar tgħatti ħafna dnubiet. Min m’għandux dnubiet? Min m’għandux bżonn jitlob maħfra ’l Alla? Fil-Missierna tliet darbiet kuljum il-Knisja titlob: “aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Lq 11:3). U l-karità hi waħda mill-mezzi sbieħ kif nitolbu maħfra lil Alla u naqilgħu l-maħfra ta’ Alla.
L-imħabba, il-karità, l-għajnuna lill-fqar tgħatti ħafna dnubiet.
Mela ħafna dnubiet żgħar li nikkommettu għax dgħajfin, għax bnedmin tad-demm u l-laħam, il-Mulej jaħfirhomlna u jħares lejn il-karità li ġejja minn ġewwa, mill-qalb “u taraw” jgħid Ġesù, “kif kollox ikunilkom nadif”.
Allura ejjew nagħmlu kuraġġ imma fl-istess ħin nitolbuh il-grazzja li ma nħallux l-apparenzi jfixkluna imma nħallu lil Alla jiġġudika li jaf jara l-qalb.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 1, 16-25
Salm: 18 (19), 2-3.4-5
Evanġelju: Lq 11, 37-41